Kappillan tal-Madonna tas-Sacro Cuor, Tas-Sliema.
Jien twelidt u trabbejt ir-Rabat, taħt id-djul tal-Patrijiet ta’ Ġieżu. Ta’ ħmistax-il sena sifirt l-ewwel darba mal-ġenituri tiegħi l-Italja. F’Tivoli, konna żorna knisja u bla ma naf kif u għalfejn kienu impressjonawni żewġ patrijiet Franġiskani żgħażagħ. Jumejn wara, propju fuq il-qabar ta’ San Franġisk ħassejt f’qalbi lill-Mulej isejjaħli biex bħal dawk iż-żewġ patrijiet u l-patrijiet tar-Rabat li trabbejt qribhom, nimxi warajh, fuq l-istess passi ta’ San Franġisk. Sena wara, bdejt il-mixja tiegħi fil-komunità Franġiskana. Ġejt ordnat saċerdot fl-1985. Servejt f’diversi kunventi imma wkoll għamilt l-ewwel tliet snin pastorali tiegħi fi Sqallija. Wara għamilt seba’ snin inservi anki ta’ kappillan fil-Kanada, b’mod partikolari mal-emigranti Maltin.
Sitt snin ilu, bdejt l-esperjenza tiegħi ta’ kappillan f’Malta proprju fil-parroċċa tas-Sacro Cuor, tas-Sliema. Din hija l-unika parroċċa li għandna ahna l-patrijiet Franġiskani Minuri f’Malta. B’differenza għal ħafna kappillani oħrajn, jien ngħix f’komunità ma’ ħames patrijiet oħrajn li ovvjament mhux kollha jservu fil-parroċċa.
Qabel ma’ jien kappillan, jien saċerdot, u qabel saċerdot, jien Franġiskan. Għalija din hija l-aktar importanti. Mal-professjoni solenni aħna l-patrijiet nintrabtu li ngħixu l-faqar, l-ubbidjenza u s-safa. Aħna nitolbu flimkien darbtejn kuljum, u nieklu flimkien mhux anqas minn darba kuljum. Dan nippruvaw ma nittraskurawhx. Inkella ma nkunux komunità!
Bħala saċerdot inti ma tirċevix taħriġ biex “issir” kappillan. Dan int trid tagħmlu, maż-żmien u bl-għajnuna ta’ kappillani u nies oħra. Il-ħidma pastorali ma tieqaf qatt. Is-Sacro Cuor hija pjuttost parroċċa anzjana. Per eżempju, meta jkollok funeral, addio l-pjanijiet li tkun għamilt għax dak hu priorità. Hu d-dmir tagħna wkoll li nduru regolarment il-morda u l-anzjani tal-parroċċa.
Laqgħa sagrosanta ta’ darba fix-xahar hija dik ta’ bejnietna l-ħames kappillani ta’ Tas-Sliema fejn nikkoordinaw il-ħidma tagħna u norganizzaw diversi attivitajiet flimkien. Dmir ieħor hija l-laqgħa ta’ darba fix-xahar tal-kappillani kollha flimkien mal-Isqfijiet. Aħna mistennija li naħdmu flimkien, li nisimgħu l-kelma tar-rgħajja tagħna kif ukoll inkunu aġġornati b’dak li qed jiġri madwarna.
Ma ninsa qatt dak li kien qalli l-Arcisqof Emeritu Pawlu Cremona fil-bidu tal-ħidma tiegħi. Kien qalli, “Pawl, kun tal-poplu u mal-poplu!” Ma nitlifx għalhekk l-opportunità li nkun man-nies. Bla dubju, hemm entitajiet fil-parroċċi fejn għandhom aġendi differenti u ssib ruħek f’dilemma meta dawn ma jaqblux mal-prioritajiet pastorali tad-djoċesi u tal-parroċċa. Wieħed għalhekk irid dejjem isib kompromess biex jirrenja s-sliem.
Sfida kbira fiż-żona tagħna hija n-numru kbir ta’ immigranti. Trid tisma’ l-istorja tagħhom… ħafna drabi tkun traġika! Jiġu jfittxu l-għajnuna. Bil-għajnuna ta’ diversi parruċċani noffru regolarment ikel u ħwejjeġ u anki għajnuna finanzjarja.
Wara l-pandemija, għadna qed nissieltu biex diversi nies, speċjalment anzjani, jerġgħu lura lejn id-dar spiritwali naturali tagħhom, li hija l-knisja. Għandna wkoll numru ta’ familji żgħar, ħafna minnhom ġew joqogħdu hawn. Dawn irridu nkunu qribhom. U għalhekk b’mod regolari nżurhom.
Is-sodisfazzjon tiegħi nista’ niġbru fi tlett kelmiet: Kemm Alla jħobbni! Jien niskanta bija nnifsi kif jien dak li jien! Sfidi ma jieqfu qatt li jinkludu kriżijiet personali u dawk li joħolqulek l-oħrajn. Imma wara dawn is-snin kollha għadni Franġiskan, saċerdot u kappillan. Hu biss bl-għajnuna tiegħu li nibqa’ għaddej! Li naf li qed inservi lill-poplu ta’ Alla, u bl-ebda mod ma nabbuża minn dak li tani Alla. Dan jagħtini sodisfazzjon kbir!