Fr Gordon Refalo – Kappillan f’sitt parroċċi

209 | Settembru 2022

Fr Gordon twieled fl-1961 u għex tfulitu f’Tas-Sliema u l-Gżira. Ġie ordnat saċerdot 31 sena ilu u beda l-ħidma pastorali tiegħu bħala Viċi f’San Gejtanu, il-Ħamrun. Illum huwa l-Kappillan tal-Gżira. 

Nista’ ngħid li fl-ewwel snin tiegħi bħala Viċi tgħallimt ħafna mill-Kappillan ta’ San Gejtanu ta’ dak iż-żmien, Dun Pawl Camilleri. Tkun ilek snin tistudja u tħejji ruħek, imma verament titgħallem meta tkun “fl-għalqa”. 

Wara sirt kappillan għal sitt darbiet! L-ewwel Santa Luċija, imbagħad l-Ibraġ, is-Swatar, Ħal Luqa, Ħal Għaxaq u issa l-Gżira. Kollha differenti ħafna minn xulxin minkejja li xi wħud minnhom jistgħu jidhru simili. Kollha għandhom it-tradizzjonijiet u aspetti diversi tagħhom. 

Kelli tliet parroċċi bla festi. Ħal Luqa u Ħal Għaxaq għandhom festi kbar, b’tal-aħħar b’aktar minn festa waħda. M’hawn l-ebda parroċċa bħall-oħra. Kollha għandhom l-isfidi u s-sabiħ partikolari tagħhom!

Fil-bidu tiegħi f’kull parroċċa dejjem għidt lili nnifsi, “jien x’se nitgħallem aktar milli x’se nagħmel?” Dan inħobb infakkru lili nnifsi kuljum malli nibda l-ġurnata tiegħi li tibda għal ħabta tas-6:00am. 

F’ħamsa u għoxrin sena, is-soċjetà u magħha l-parroċċi tagħna nbidlu totalment. Biex nagħti eżempju: Kif bdejt kappillan Santa Luċija kien ikollna problema għax ma konniex inlaħħqu mal-qrar. Illum nirringrazzja lil Alla li jiġi xi ħadd iqerr! Kelli 110 abbati. Hawnhekk illum hawn ħamsa biss!

Illum fil-Gżira hawn 4,000 resident Malti imma 8,000 oħra li mhumiex – ġejjin tista’ tgħid minn kull pajjiż tad-dinja! U għalhekk qed naħdmu biex nibnu kuntatt magħhom. F’sena u disa’ xhur li ili kappillan għamilt 130 funeral, imma magħmudijiet erbgħa u żewġ żwiġijiet!  Prinċipalment minħabba l-prezzijiet għoljin tal-proprjetà, koppji żgħar ftit li xejn joqogħdu hawn, u naqqsu bil-kbir it-tfal u ż-żgħażagħ!

Nibda l-ġurnata bit-talb personali qabel kull ħidma oħra. Ġieli jiġu ġranet li jasal filgħaxija u nsib li għadni ma tlabtx.  U allura noqgħod attent ħafna li din ma tiġrix ta’ spiss! Nipprova li matul il-ġurnata nsib mumenti oħra biex inqaddes il-ġurnata bil-preżenza ta’ Alla f’ħajti. 

Barra l-ħidma pastorali ta’ rutina bħalma huwa t-tqarbin tal-morda u l-ħin tal-uffiċċju, matul il-jum ġieli jkollna l-laqgħat oħra bħal tal-Kulleġġ tal-Kappillani. Inżur regolarment l-iskola primarja u l-funerali ma jonqsux. F’xahar ġieli jkolli aktar minn sebgħa.

Is-Sibt filgħodu niddedikah biex inħejji l-omelija tal-Ħadd minkejja li nkun bdejt naħseb dwarha minn jiem qabel. 

L-akbar sodisfazzjon li għandi bħala saċerdot huwa li nwassal l-imħabba ta’ Alla lill-oħrajn.  Minkejja kollox Alla jużani għal dan. U jiddispjaċini immens meta nara x’qed jitilfu dawk li ma jridux jafu b’din l-imħabba. 

Nagħti valur kbir lill-ħbiberija speċjalment lis-saċerdoti sħabi li niltaqgħu regolarment flimkien. 

Il-qari nħobbu ħafna u għalhekk intemm il-ġurnata dejjem bi ktieb f’idejja. 

L-aħjar parir li qatt irċevejt: bloom where you’re planted. 

L-aktar parir li nħobb nagħti: Apprezza l-imħabba li Alla għandu għalik. 

Scroll to Top
Send this to a friend