Jien twelidt Ħal Qormi, ir-raba’ wild minn familja ta’ disatitfal. Li tkun familja kbira mhijiex faċli imma permezz tagħha titgħallem ħafna b’mod speċjali kif tista’ tgħix aħjar mal-oħrajn. Kellna nuqqas ta’ ġid materjali imma kellna u għad għandna mħabba kbira lejn xulxin. Aħna “familja” ta’ qassisin! Għandi u kelli diversi zijiet u kuġini saċerdoti. Kont ispirat ħafna mill-impenn u ż-żelu tas-saċerdoti tal-parroċċa ta’ San Ġorġ.
Ġejt ordnat saċerdot fl-1995 u fl-ewwel tlett snin servejt bħala Viċi kappillan tal-Mellieħa. Hemm kelli esperjenza sabiħa ħafna fejn kont milqugħ u apprezzat immens. Imbagħad l-Arċisqof Mercieca sejjaħli biex immur Surmast tas-Seminarju Minuri fejn domt erbatax-il sena. Kelli nerġa’ nibda nistudja biex inkun ippreparat tajjeb. Għal tnax-il sena servejt ukoll bħala Chairman tal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja.
Nemmen li kif sejra d-dinja llum fejn tidħol il-kura pastorali, it-tfal aktar jintlaħqu fl-iskejjel milli fil-parroċċi. Illum fis-Seminarju hemm 850 student li jdumu hemmhekk ħdax-il sena! It-tfal jieħdu magħhom l-iskola s-sabiħ u l-problemi ta’ darhom. Kont nipprova nżomm kuntatt ħaj u kontinwu mal-familji tagħhom u noffri s-servizz tiegħi kemm bħala edukatur imma wkoll bħala saċerdot.
Wara s-Seminarju mort sena Viċi s-Swatar. Imbagħad mort tliet snin Ruma nistudja l-Liġi Kanonika u b’hekk sirt Imħallef tal-Appell tat-Tribunal Ekkleżjastiku fejn għadni sal-lum. Erba’ snin ilu l-Arċisqof talabni biex inservi wkoll bħala Arċipriet tal-parroċċa ta’ San Pawl, il-Belt.
Il-komunità tal-Belt għanda diversi sfidi. Il-ftuħ ta’ lukandi, ristoranti u postijiet tad-divertiment qed jaffetwaw bis-sħiħ lir-residenti li kull ma jgħaddi ż-żmien dejjem qed isiru anzjani, u li numru minnhom jgħixu weħidhom. Għandna numru mhux żgħir ta’ persuni bi problemi soċjali, apparti dawk li jiġu minn barra l-Belt – homeless, nies bi problemi ta’ droga, eċċ., u dawk ukoll li jiġu jittalbu!
Il-Belt irċevejna patrimonju artistiku inestimabbli li minħabba ż-żamma u r-ristawr tiegħu qed dejjem isir piż finanzjarju kbir. U dejjem irrid nara minn fejn se nġib il-fondi!
Diffikultà kbira hija n-nuqqas ta’ attendenza ta’ tfal u żgħażagħ fil-Knisja. Fejn nistgħu bħala parroċċi tal-Belt naħdmu flimkien per eżempju fil-Katekiżmu, u fid-Djakonija, biex ngħinu li dawk li verament huma fil-bżonn.
Kuljum inqum kmieni biex nipprepara lili nnifsi filwaqt li wkoll nieħu ħsieb lill-mamà li tgħix miegħi. Jum qatt ma hu bħall- ieħor – diversi laqgħat, funerali, laqgħat ma’ nies, tqarbin tal-morda, superviżjoni ta’ ħidma fil-knisja, amministrazzjoni. Ikolli wkoll ix-xogħol tat-Tribunal Ekkleżjastiku li jirrekjedi attenzjoni kbira.
Il-Pawlini mkabbrin wisq bil-festa tal-10 ta’ Frar u bir-raġun, għax hija festa nazzjonali u mnaqqxa fl-identità nazzjonali. Tassew huma attivi u teżisti koperazzjoni sħiħa mal-parroċċa. Nipprova bħala kappillan ma nidħolx f’kumplikazzjonijiet storiċi jew piki żejda u bla bżonn li ftit li xejn jagħmlu sens għall-ħajja li qed ngħixu llum.
Kull ġurnata nipprova nsib ħin biex nirrilassa u meta nsib iċ-ċans nieħu gost nara xi film sabiħ. Rigward l-ikel insajjar jien u dan jagħtini wkoll ċertu mistrieħ għalkemm trid tippjana għalih sewwa!
Jien insib ħafna sapport minn diversi saċerdoti sħabi, apparti l-qassisin tal-parroċċa li mmorru tajjeb ħafna flimkien. Mingħajr dan, is-sena ta’ l-aħwa fis-saċerdozju, persważ li kont inkun qassis differenti milli jien!