Għex Raħal Ġdid sa meta kellu tmintax-il sena. Daħal is-Seminarju biex jistudja għal saċerdot. Ġej minn familja li kienu sitt aħwa. Xahrejn biss wara li twieled ħuh iż-żgħir, ħuh il-kbir miet ta’ tlettax-il sena b’emorraġija f’rasu.
Qaddes fl-1999 u beda l-ħidma pastorali tiegħu Ħaż-Żebbug l-ewwel bħala Viċi u mbagħad Arċipriet tal-istess parroċċa għal tmintax-il sena. Is-sena l-oħra beda jservi bħala Arċipriet tal-parroċċa ta’ Santa Katerina taż-Żurrieq.
Sitt xhur wara li qaddist bdejt ngħix waħdi kif għadni nagħmel sal-lum. Naf u nieħu gost insajjar u nieħu ħsieb l-affarijiet personali tiegħi kollha. Sa issa rnexxieli nkampa! Meta jkun possibli nhar ta’ Ħadd f’nofsinhar niltaqa’ mal-kumplament tal-familja. Il-papà li għandu 96 sena għadu indipendenti u jieħu ħsieb lil ħija li tilef id-dawl t’għajnejh.
Normalment inqum fil-5:30 am u nibda bil-meditazzjoni. Matul il-ġurnata nipprova nisraq kemm jista’ jkun ħin biex nitlob speċjalment bejn attività u oħra. Il-ħajja tagħna kollha hija talba. Meta filgħaxija nagħlaq il-bieb ta’ barra jew meta nkun waħdi f’xi passiġġata, dawk għalija wkoll huma mumenti speċjali ta’ talb.
Il-jum tiegħi huwa dejjem mimli– il-quddiesa, żjarat lill-iskola primarja, funerali, laqgħat ma’ diversi għaqdiet, amministrazzjoni, tweġibiet ta’ emails u telefonati li ma jaqtgħu qatt.
Għalkemm ili dawn is-snin kollha nippriedka xorta nħares lejn l-omelija tal-Ħadd bħala “uġigħ ta’ ras” sabiħ! In-nies jagħmlu sforz biex jiġu u jagħmlu dan b’għażla. Huwa fid-dmir tagħna li nkunu ippereparati. U għalhekk nagħtiha ħafna priorità – dan barra taħditiet oħrajn li jkolli bħal ngħidu aħna funerali.
Imbagħad hemm it-tiġijiet li ġieli kelli tletin wieħed f’sena.
Inħossni personalment sodisfatt bil-ħidma li qed nagħmel. In-nies b’mod ġenerali tapprezzaha. Hemm għatx min-nies biex jimxu l-mixja tal-fidi tagħhom. Diżżapunti jkollok speċjalment meta tfittex nies b’impenn għal xi xogħol partikolari u ma jkollokx tweġiba.
Fil-ħajja pastorali niltaqa’ ma’ ħafna sfidi. In-numru ta’ saċerdoti dejjem qed jonqos waqt li l-istennija tan-nies għadha l-istess fejn per eżempju jidħol in-numru ta’ quddies. Ir-realtajiet tal-parroċċi tagħna se jkollhom jinbidlu. Kull sena n-numru ta’ nies li jiġu l-Knisja qed dejjem jonqos u allura rridu nsibu modi ġodda kif niltaqgħu u nkunu qrib tan-nies.
Filwaqt li rridu nibqgħu nieħdu ħsieb dawk li regolarment jipparteċipaw fil-ħajja sagramentali, irridu nagħtu priorità lil dawk li għal xi raġuni jew oħra huma assenti. Dan kollu apparti l-kuntrast li ħafna drabi għandna bejn ir-reliġjożità u l-ispiritwalità li hija sfida kbira!
Nipprova ngħaqqad diversi gruppi għal ħidmiet differenti – minn fundraising għall-quddiesa tat-tfal. Hawn ukoll insib ħafna koperazzjoni u tieħu gost tara nies li lesti jagħtu l-enerġija u l-ħin tagħhom.
Insib ħafna sostenn minn diversi ħbieb li niltaqgħu b’mod regolari. Dan jagħtini wens kbir f’ħajti. Inħobb ħafna wkoll it-trekking u spiss immur nippratika dan l-isport m’oħrajn.
Meta kont Ħaż-Żebbuġ Leli Zammit, li għandu d-Down’s Syndrome kien il-buddy tiegħi. Matul dawk is-snin kollha kien qisu d-dell tiegħi. Ħafna snin ilu kien ma jiflaħx u meta mort narah id-dar u dħalt fil-kamra tas-sodda tiegħu, laqtitni mmens il-ħajja li jgħix dal-bniedem – kollox bażiku u sempliċi. Minnu tgħallimt kif għandi ngħix ħajti mingħajr ħafna kumplikazzjonijiet. L-aħjar parir li qatt irċevejt!