“Hi kif inhi, kull tarbija hija grazzja u barka kbira”
Għandha l-kundizzjoni msejħa mild cerebral palsy. Tammetti li ma tafx kif twieldet u għadha ħajja. Antoinette Cutajar tirrakkonta kif it-twelid tagħha jista’ jitqies bħala miraklu u tesprimi kif taħsibha dwar kif għandna ngħożżu kull tarbija fil-ġuf.
“Ommi kellha 24 sena meta żżewġet. Il-ġenituri tiegħi kienu qed jistennew bil-ħerqa biex ir-rigal tal-anniversarju taż-żwieġ ikun it-twelid tiegħi fit-tielet ġimgħa ta’ Lulju tal-1969. Imma f’daqqa waħda f’nofs Mejju, ommi ħakmitha t-toxemia li tikkawża periklu kbir kemm għall-omm kif ukoll għat-tarbija fil-ġuf.
“Ħaduha bil-ħeffa fl-isptar ta’ Santa Katerina Ħ’Attard, immexxi mis-sorijiet Dumnikani. Kienet kważi qed titlef ħajjitha. Imma f’daqqa waħda seħħilha abort naturali u jien twelidt stillborn, iġifieri klinikament mejta. Madankollu s-soru li kienet qed tassistiha ħasset li għandha tgħammidni. Lill-papà ma ħallewhx jarani. Ommi qatt ma semgħet il-bikja tiegħi. Ħaduni f’kamra oħra. F’daqqa waħda l-papà jisma’ għajjat isteriku tas-soru li bdiet tlissen li t-tarbija hija ħajja!
Jien sa llum ma nafx x’ġara: jew kien żball mediku jew kien miraklu. Madankollu jien bqajt inbati bil-mild cerebral palsy. Din tillimitani ħafna fil-movimenti tiegħi. Imma l-fatt hu li jien għadni hawn!
Meta kibret Antoinette temmet b’suċċess il-Kors (Foundation Studies) tal-liġi imma dejjem kellha x-xewqa li tistudja x-xjenzi politiċi. Hija rnexxielha tirbaħ borża ta’ studju u marret tistudja fl-Università Kattolika ta’ Milan. Kienet l-ewwel mara Maltija li ggradwat b’dottorat fix-xjenzi politiċi.
Hija ħadmet bħala riċerkatriċi mal-Università u mal-Parlament Malti fuq materji tal-UE. Bħala impjegata tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin hija serviet fir-Rappreżentanza Maltija għall-UE fi Brussell. Ħadmet ukoll bħala kunsilliera u Acting Head of Mission fil-Missjoni Permanenti għall-Ġnus Magħquda u organizazzjonijiet internazzjonali oħra f’Ġinevra, l-Iżvizzera. Għal xi żmien hija ħadmet fl-Ambaxxata Maltija f’Madrid, Spanja. Illum hija sservi fid-Direttorat tas- Servizzi Konsolari u Magħltin li jgħixi Barra fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej u Kummerċċ.
Antoinette tħoss li l-Knisja dejjem għenitha tifhem kif aħna għandna n-nifs ta’ Alla fina mhux mit-twelid imma mill-konċepiment. Kull darba li fil-ġuf tal-omm tibda ħajja ġdida Alla jiżra’ n-nifs tiegħu f’dak il-ħolqien ġdid. Dan in-nifs mhux tagħna imma huwa tiegħu.
“Is-sens reliġjuż jgħallimna li l-ġuf huwa tabernaklu li fih jgħammar in-nifs ta’ Alla. Fil-mument li aħna għandna dan in-nifs, li hija r-ruħ tagħna, aħna ningħaqdu miegħu għal dejjem. U għalhekk kif nistgħu niddeċiedu li ntemmu aħna stess dan in-nifs?
Hija ssostni li l-fidi twassalna biex inħobbu kull tarbija fil-ġuf hi kif inhi, u napprezzawha bħala rigal ta’ Alla anki jekk din f’għajnejna mhijiex perfetta jew kif nixtiequha aħna.
“Jekk f’ġufi hemm tarbija, inkun qed nikkopera ma’ Alla biex titnissel tarbija ġdida. Imma qatt ma nista’ nitla’ fuq ras Alla u niddeċiedi jien inħallix din il-ħlejqa ġdida biex tgħix jew le.”
“L-ewwel kmandament jgħidilna biex ma jkollniex Alla ieħor għajru. Illum qed nispiċċaw niddettaw lil Alla. Ħafna mill-iżbalji li jsiru, anki fil-kamp politiku u ekonomiku, minħabba li rridu nkun aħna l-allat.”
Antoinette hija tal-fehma li kull tarbija hija grazzja kbira. “Meta niġu wiċċ’imb wiċċ ma’ xi problema, irridu nsibu soluzzjoni għaliha, u mhux nżidu oħra billi noqtlu ħajja u nwettqu delitt faħxi.”