Il-Papa li jbus l-infafet

Ħarġa 207 | Ġunju 2022

Vinicio Riva hu minn Vicenza, fl-Italja ta’ Fuq, u llum għandu 62 sena. Kif tħares lejh mill-ewwel tinduna li jbati bin-neurofibromatosis tal-ewwel tip. Wiċċu u ġismu miksijin b’nefħiet imdaqqsin, qishom infafet, waħda ħdejn waħda. Dawn in-nefħiet iqabbduh ħakk kbir u spiss jispiċċaw inixxu d-demm. B’mod regolari jagħmel operazzjonijiet biex jitneħħewlu xi nefħiet minnhom, bħal dawk ta’ ħdejn għajnejh, biex ikun jista’ jibqa’ jara! Imma malajr jitilgħu lura.

Vinicio ilu jbati minn din il-kundizzjoni ġenetika minn meta kellu 15-il sena. Ommu kellha n-neurofibromatosis qabel mietet, u oħtu Morena tbati biha wkoll, għalkemm tagħha mhix daqshekk qawwija. Kif wieħed jista’ jobsor, għalkemm din il-kundizzjoni ma titteħidx, tbiegħed ħafna nies minn Vinicio u oħtu. Iz-zija tagħhom, Caterina Lotto, tinkwieta ħafna dwar il-futur tagħhom: “Kieku jien miniex hawn, kieku ma joħorġux. Meta jkunu barra weħidhom, mingħajri, ma jħossuhomx protetti”. Vinicio jirrakkonta li ħafna nies jieħdu xokk malli jarawh, u jippruvaw jaħarbuh. Ġieli kien hemm min għajjat miegħu u keċċieh ‘il hemm, jew ma ħallihx ipoġġi ħdejh fuq tal-linja. L-aktar li jweġġgħu f’każijiet bħal dawn ikun li ħadd ma jaqbeż għalih.

Fis-6 ta’ Novembru 2013, meta Vinicio kellu 53 sena, niżel maz-zija Caterina għal Udjenza Ġenerali ta’ Papa Franġisku fi Pjazza San Pietru, il-Vatikan. Minħabba n-nefħiet f’saqajh, Vinicio ma jistax idum bil-wieqfa. Dakinhar uża siġġu tar-roti u spiċċa quddiem nett, maġenb persuni oħra morda u vulnerabbli. Lejn l-aħħar tal-Udjenza, il-Papa niżel bħas-soltu biex isellem lil dawk li kien hemm fl-ewwel ringiela. Kif wasal quddiem Vinicio, Papa Franġisku mhux biss ħadlu b’idu, imma ħares f’għajnejh, għannqu b’mod qawwi ma’ sidru, u biesu fuq wiċċu. Vinicio jirrakkonta li t-tgħanniqa u l-bewsa ħaduh b’sorpriża kbira! Normalment, in-nies tħares lejh u lejn ġismu b’ħarsa ta’ biża’, xokk u stmerrija. Għall-kuntrarju, Papa Franġisku ma ħasibhiex darbtejn: “Il-Papa ma beżax minni. Ma kienx jaf li l-marda tiegħi ma titteħidx, imma xorta mellisli wiċċi u għannaqni bla ma qalli xejn. Dak il-ħin bdejt nirtogħod u qalbi bdiet tħabbat ħafna tant li ħsibtni ħa mmut. Imma ħassejt l-imħabba! Kont qisni qiegħed il-ġenna. Il-ħarsa sabiħa tal-Papa nifditli qalbi. Dakinhar tneħħieli toqol kbir minn fuq ħajti.”

Il-bewsa ta’ Papa Franġisku lil wiċċ kollu nfafet ta’ Vinicio tfakkarna fir-raġel li l-Papa stess, meta ġie elett Papa, għażel l-isem tiegħu: San Franġisk ta’ Assisi. Minn meta kien tfajjel, Franġisku ta’ Assisi kien jibża’ mil-lebbrużi. Anzi, kien jistmellhom. Imma darba, meta kien żagħżugħ, iltaqa’ ma’ lebbruż fit-triq. Niżel minn fuq iż-żiemel, għafas munita f’id il-lebbruż u biesu. Dan il-pass kuraġġuż ta’ mħabba ġab bidla kbira fil-ħajja ta’ Franġisku ta’ Assisi.

It-tgħanniqa ta’ Papa Franġisku lil Vinicio tfakkarna f’raġel ieħor li kien imiss u jfejjaq lil-lebbrużi, u lil ħafna nies oħra mwarrba għax is-soċjetà kienet tqishom “mhux nodfa”: Ġesù ta’ Nazaret. U dan Ġesù kien ċar: “Min jara lili, jara lil Alla Missier”. Fil-fatt, fil-parabbola tal-Iben il-Ħali, jirrakkonta li l-missier joħroġ jiġri u jintefa’ fuq ibnu ż-żgħir li ġie lura u jbusu bil-ħerqa. Il-missier ma jagħtix kas li ibnu kien ġej minn ħdejn il-qżieqeż. Ma jagħtix kas tal-ħmieġ u l-għaraq tat-triq. Ma jagħtix kas x’kien għamillu ibnu, jew x’setgħu jgħidu l-ġirien.

Il-Missier jgħannaq, ibus, u jerġa’ jagħti l-ħajja. Bħal Ġesù ta’ Nazaret, lil dawk li ma kinux “nodfa”. Bħal San Franġisk ta’ Assisi, lil-lebbruż fit-triq. Bħal Papa Franġisku, lil Vinicio Riva.

Għax kif iħobb jirrepeti Papa Franġisku stess: l-istil ta’ Alla — u ta’ dawk li jħobbu lil Alla — hu viċinanza, tenerezza u kompassjoni.

Scroll to Top
Send this to a friend