knisja.mt/ritratti

Patri Dionisju Mintoff OFM

Il-ħeġġa m’għandhix  età

“Hemm Patri Franġiskan ta’ 91 sena u xorta qed ikompli jaħdem (mal-migranti), bl-għajnuna tal-kollaboraturi tad-Djoċesi. Huwa xempju ta’ żelu appostoliku u ta’ mħabba lejn il-migranti, li llum tant għandna bżonn minnhom.” Hekk qal il-Papa Franġisku dwar Patri Dijonisju Mintoff OFM li jmexxi l-Laboratorju tal-Paċi. Il-Papa żar dan iċ-Ċentru li jilqa’ fih numru ta’ migranti fiż-żjara tiegħu f’Malta f’April li għadda.  Il-Flimkien iltaqa’ ma’ Patri Dijonisju u tkellem miegħu dwar diversi temi.

Kemm aħna qrib xulxin?

Li naħdem mal-migranti ma kinitx il-ħolma ta’ żogħżiti. L-għażla tas-superjuri tiegħi kienet li nkun għalliem u għamilt 44 sena involut fl-edukazzjoni. Madankollu, il-fqar dejjem kien għal qalbi għax hekk kont imdorri sa minn ċkuniti.

Il-Papa Ġwanni XXIII kien dak li ispirani. Kien dejjem bi tbissima u jaf x’inhi t-tbatija.  Ħadem dejjem favur il-paċi, li hija l-kapaċità li twassalna biex nitkellmu u ngħixu flimkien. Il-komunikazzjoni bejnietna tirriżulta filli nkunu lesti li npoġġu ruħna f’xulxin.  Nista’ ngħid li bqajt naħseb fuq dak kollu li qal tul ħajti kollha.

Issib nies li jgħixu flimkien fil-kunventi, fil-familji, fuq il-postijiet tax-xogħol u lkoll huma differenti imma  bi djalogu bejniethom kapaċi jifhmu lil xulxin u jgħixu sewwa bejniethom. Imma llum kemm għadna nkunu qrib xulxin? Problema kbira hija s-solitudni, saħanistra fost qassisin u reliġjużi, ġenituri u wliedhom. U din qed tikkawża ħafna u ħafna mard mentali u soċjali.

Semper Idem

Għadek issib, saħanistra fil-Knisja stess, min jirraġuna li jkun jaqbel li ma jinbidel xejn.  Semper Idem! Tisma’ min jirraġuna li jekk trid toqgħod kwiet, tbiddel xejn. Il-Papa Ġwanni ried ibiddel, u dak li qed jipprova jagħmel il-Papa Franġisku. Għalhekk Franġisku jitkellem dwar is-sinodalità fil-Knisja.

Charity begins at home?

Infixklu wisq il-kliem “house” u “home”. Il-house hija tal-ġebel, imma “home” hija ffurmata minn dawk li int tgħix magħhom: ommok u missierek u ħutek. Imma mhux biss! Anki l-kelb u l-qattus isiru parti minnek. Dawk li tgħix magħhom ħafna drabi ma tagħżilhomx int. Dawk tahomlok Alla bħala rigal. Hemm, imbagħad, dawk li tagħżel int – martek, żewġek u ħbiebek. Dik hija l-home tiegħek. 

Il-valuri m’għandhomx prezz.

Ma nista’ qatt inħallas lura ‘l ommi ta’ dak li għamlet miegħi. Kif se tistma kemm tiswa s-sinċerità jew l-irġulija? Kif se tħallas ħabib li qatt ma tradik?

Il-folla ma teżistix

Hawnhekk lill-immigranti l-Papa Franġisku għannaqhom wieħed wieħed. Il-politiku tinteressah il-folla. Imma mhux għall-Papa. Kull persuna għandha l-valur tagħha. Il-Papa fakkarna li bħalma missirijietna laqgħu lil San Pawl u sħabu bi tjubija liema bħala, hekk aħna rridu nwettqu l-istess tjubija.

Għan-nisrani, kull bniedem fid-dinja huwa ħuh jew oħtu. Qabel persuna hija Maltija, hija umana. Ma tistax tgħid li bniedem li għandu l-kulur tal-ġilda differenti minn tiegħek mhuwiex ħuk fid-demm: kulur demmu hu bħal tiegħek!

Il-migranti ħassew ferħ kbir fil-preżenza tal-Papa minkejja li ħafna minnhom huma Musulmani. Jgħidulek: ‘fid-dinja kollha dan biss jaqbeż għalina.” Saħansitra bdew ibusulu l-libsa tiegħu. Għalihom mhux hu biss prezzjuż, imma saħanistra kull ħaġa li misset miegħu!

Ma tistax tgħin u ma titlobx

Ma tistax tgħin lill-foqra mingħajr it-talb. Daqskemm nista’ nagħmel ħobża mingħajr dqiq. In-nisrani jitlob bil-qalb għax iħoss li hemm biċċa minn Alla ġo fih.  Jekk ma nitlobx jien ma nibqax ħieles u nsir skjav, saħanistra tiegħi innifsi.

Ġesù huwa dak li ma jitlaq qatt minn ġo fija. Qiegħed hemm dejjem lest għalija. Tippruvax tifhem kemm tħobbok ommok. Daqshekk ieħor tista’ tifhem kemm iħobbok Alla!

Scroll to Top
Send this to a friend