Il-faqar qiegħed jiżdied. In-nies f’xifer il-faqar żdiedu. Il-COVID tefgħana l-baħar. Il-gwerra mhix tgħin. Konna qed naħsbu li se nitilgħu f’wiċċ l-ilma imma dejjem jinqalgħu intoppi oħrajn. U issa l-aħħar studji juruna li aktar minn nofs il-Maltin iħossu sens ta’ solitudni…qed insiru nafu dwar l-effett tal-COVID fuq is-saħħa mentali tal-kbar u ż-żgħar. Dik is-sitwazzjoni!
Jekk dawn l-aħbarijiet tarahom fil-kumdità ta’ darek, forsi fuq xi skrin kbir bis-surround, u mdawwar b’tal-familja tingħasar qalbek. Imma tgħaddi mal-oħrajn. Forsi ngħid “miskina” jew “jaħasra”. Imma jekk tkun int li qed tara kif se twassal il-paga sa l-aħħar tax-xahar. Jew għandek kollox u xorta tħossok waħdek. Jew qed tipprova tara kif se tħallas il-lista tal-istationary tal-iskola tat-tfal li ġiet bla mistenni. Hekk storja oħra.
Din l-isfida li għandna. Irridu noħolmu kif se nirfdu s-sitwazzjoni. Ma nistgħux norqdu komdi, għax ħutna mhumiex sew. Għandna ħolma.
Jekk il-paga mhix twassal sal-aħħar tax-xahar nixtiequ ngħinuk imqar biċċa.Imqar inkunu maġenbek, ngħidu kelma jekk tħossok waħdek. Nixtiequ li meta niltaqgħu ma’ min jitlobna l-għajnuna għax waħedha jew waħdu, ikollna kuljum imqar parroċċa jew tnejn fejn nistgħu nibagħtuhom jitrejqu, u jgħidu kelma. Ikla miftuħa kuljum. Mhux b’xejn. Imma fejn min għandu jiekol ma’ min m’għandux.
Dejjem nistgħu noffrulek ikla, imma fuq kollox spalla, kumpanija sakemm naraw kif nistgħu nsostnuk tqum fuq saqajk,
Nafu kemm n-nies joħorgu minn ħwejjeg tajbin. Noħolmu li jkollna ħanut fejn ħwejjeg li għadhom tajbin ħafna jkunu jistgħu jinġabru, jinħaslu, u jinbiegħu bi prezz irħis. Hekk, min jiġi fil-bżonn ta’ ħwejjeġ jista’ jiġi, jagħżel li jogħġbu u li jiġih, u waqt li jkun kuntent b’ilbiesu, ikun iffranka wkoll.
Min għandu bżonn l-ikel jew il-ħwejjeg b’xejn jingħatawlu. Naħdmu mal-professjonisti biex ma jkunx hemm abbuż.
Min jista’ jagħti sehem anki bi ħlas żgħir. Il-flus mill-ikel jew ħwejjeġ imorru biex il-kappillani u dawk li jgħinuhom fil-ħidma man-nies fil-bżonn, ikunu jistgħu jużawhom għal ħtiġijiet oħra li jiltaqgħu magħhom (eżempji: mediċini, servizzi professjonali, jew inizjattivi soċjali biex min jaqa’ lura jsib sostenn). U fl-istess ħin ngħinu l-ambjent għax innaqqsu l-ħela.
Il-ħolma bdiet isseħħ. Il-Kcina lesta. Il-Ħwejjeġ qed jinħaslu f’laundry li poġġejna f’parroċċa. Ħanut il-Belt għandna wkoll.
Allura wieħed jistaqsi: x’qed iżommna milli nibdew? Fejn hemm ir-rieda u l-inizjattiva naslu. Jekk jimpurtana, jekk tassew naraw lil Kristu fl-ifqar fost il-fqar, irridu naslu, ma hemmx għażla oħra. Tista’ tagħti siegħa jew tnejn biex il-ħolma tkompli sseħħ? Kull laqxa tirfed.
Jekk tista’ tagħti daqqa t’id jew tixtieq aktar tagħrif fuq il-proġett imla l-formola fuq djakonija.org/join jew ikteb lil [email protected] jew kellem lil Kappillanu nikkuntattjawk ħalli naraw kif flimkien inkomplu nsostnu lil ħutna fil-bżonn.