L-Erbgħa 16 ta’ Novembru 2022
Jien qiegħed kappillan l-knisja parrokkjali tagħha hija s-santwarju ddedikat lill-Virgen de la Caridad, il-patruna ta’ Kuba.
Bħalma nagħmel dejjem, kif spiċċat il-quddiesa tat-8.00am fis-Santwarju sellimt lin-nies ħdejn il-bieb ta’ barra u mort nieħu ftit kafè. Kif wasalt lura, kienu diġà ġew il-voluntiera tal-Caritas li qed jiċċekkjaw il-ħwejjeġ, il-mediċini u xi affarijiet oħrajn li għadhom deħlin għall-Kubani f’Pinar del Rio, li x-xahar li għadda laqathom l-urugan! Jimpressjonawni kif minkejja li m’għadhomx wisq, xorta waħda diversi Kubani lesti jaqsmu l-ftit li għandhom ma’ min spiċċa b’xejn! Kuljum niltaqa’ ma’ nies b’fidi qawwija f’Alla u mimlijin ħeġġa li jwasslu lil Alla lill-oħrajn.
Wara ġiet koppja żagħżugħa flimkien mal-parrini biex jgħammdu lit-tarbija tagħhom. Imma kienu ħadu żball fid-data u ġew illum flok xahar ieħor! Naf li għamlu sagrifiċċju kbir biex ġew u min jaf x’kedda biex waslu sa hawn, għalhekk ippreparajt iż-żjut u l-ilma, tfajt fuqi l-alba u stola u għammidtilhom lil Ricardo Luis.
Il-Ħamis 17 ta’ Novembru 2022
Dalgħodu mort s’għand is-sorijiet Kappuċċini li hawn fil-parroċċa tagħna u li għandhom childcare centre. Dan hu eżempju ċara ta’ waħda mill-ewwel opportunitajiet tal-Knisja li terġa’ tidħol fil-qasam tal-edukazzjoni wara li fis-snin 60 il-Knisja ma baqgħetx jista’ jkollha l-kulleġġi u universitajiet tagħha.
Hawnhekk f’dan iċ-ċentru, it-tfal jitgħallmu ħafna ħiliet bażiċi u anki jagħmlu l-ewwel passi fil-fidi. Il-Madre spjegatli kif ftit ħafna huma tfal ta’ ġenituri Kattoliċi imma xorta jkunu jixtiequ li t-tfal tagħhom jiġu fiċ-childcare tal-Knisja…. u saħansitra xi wħud mit-tfal jgħallmu l-katekiżmu li jitgħallmu hawn lil ġenituri tagħhom! Evanġelizzazzjoni wkoll, mhux hekk?!
Il-Ġimgħa 18 ta’ Novembru 2022
Mort inżur żewġ anzjani ma’ wieħed li jmur iżurhom b’mod regolari. L-ewwel waħda damet tirrakkuntali kif reġgħet lura fil-Knisja wara ż-żjara li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien għamel f’Kuba fl-1997. Din ix-xwejħa kienet involuta f’diversi gruppi fil-parroċċa u għal żmien twil kienet tgħin f’dak li jkun hemm bżonn. Għandha seba’ mitt sena biex terġa’ tiġi s-Santwarju, imqar viżta qasira!
It-tieni persuna li żort għandha madwar 80 sena; baqgħet dejjem tiġi l-knisja, anki meta dan kien diffiċli ħafna għaliha. Fil-fatt, kienet waħda minn dawk li qarben il-Papa Ġwanni Pawlu II meta kien ġie Kuba u qaddes l-ewwel quddiesa għall-familji f’Santa Clara, il-belt fejn qiegħed jien. Baqgħet f’qalb il-Kubani ż-żjara ta’ Ġwanni Pawlu II; ma jieqfux isemmuha; punt ta’ referenza; kien mument importanti għall-Knisja f’Kuba, li ħeġġeġ ħafna lill-insara u inkoraġġixxa lil oħrajn biex jirritornaw.