Kelli biex indur fuq Alla u ngħidlu jitlaq ‘il barra minn ħajti

208|Lulju 2022

Il-kantanta Moira Strafrace flimkien ma’ żewġha Chris Scicluna rrappreżentaw lil Malta fil-Eurovision Song Contest tal-1994. F’temp ta’ sena tilfet lil ommha bil-kanċer, lil missierha bil-Covid u lil żewġha Chris li miet ukoll bil-kanċer fi Frar li għadda fl-età ta’ 62 sena. Hija tkellmet ma’ Fabian Demicoli dwar l-għajnuna li sabet mill-Hospice u dwar kif il-fidi tagħha f’Alla sabet tifsira ġdida.

Nista’ ngħid li dari tinsab vojta mingħar Chris! Warrabt il-kitarri tiegħu għax ma niflaħx narahom aktar. Aħna qsamna avventura ta’ 28 sena flimkien – avventura mimlija mħabba, argumenti, daqqa ma naqblux f’din u ma naqblux fl-oħra; u ħafna esperjenzi straordinarji. It-tnejn li aħna kellna karattri qawwija, u biex issib it-triq tan-nofs mhux dejjem kien faċli. Imma rnexxielna. Bkejna u dħaqna ħafna flimkien. Kif tlabna wkoll flimkien, għax mingħajr Alla verament m’aħna xejn.

It-tifla tagħna Michela kienet kollox għal Chris. Kienet il-mimmi t’għajnejh.  Il-familja kienet kollox għalih.

Jien nemmen li l-fidi f’Alla mhux biss hija importanti imma importanti ħafna!

Kapaċi tiltaqa’ ma’ persuni għaddejin minn tbatija kbira minħabba l-mard jew il-mewt ta’ xi ħadd għażiż għalihom. Esperjenzi bħal din jixxukkjawk. U tista’ tasal biex tistqarr: “Alla nsieni. Jien ma rridx naf bih aktar!” Nammetti li meta tlift lill-ġenituri tiegħi u Chris kien għaddej bil-Chemo,  warrabtu ftit fil-ġenb. Imma le, ma nsejtux! Ma kellix biss aptitu għax ħassejt li kien insieni.

Għal ħafna u ħafna snin, jien u Chris konna ndoqqu kull nhar ta’ Ħadd fil-quddiesa ta’ nofsinhar tas-Sależjani, Tas-Sliema. Konna nħossu li rridu mmorru l-quddies, u għalhekk irraġunajna li stajna wkoll nagħtu s-sehem tagħna.  Meta Chris marad, kellna nieqfu għax ma stajniex inżommu l-impenn regolari tagħna.  Imma mbagħad ħabib ta’ Chris kien introduċieh ma’ quddiesa verament sabiħa li ssir fl-Oratorju tal-MSSP ta’ Birkirkara.

Jien ma ridtx immur imma darba minnhom, ma nafx għala, fettilli mmur miegħu.  U hemm, dakinhar il-Mulej reġa’ messli qalbi.  Għamilt quddiesa nibki. U ma waqaftx immur.  Konna qed nirċievu ħafna terapija speċjalment mill-Hospice, li se nibqa’ grata lejhom għal dejjem.  Għamlu kollox għalina. Sibniehom dejjem meta kellna bżonn. Imma dik il-quddiesa kienet għalina terapija oħra.

Sforz l-uġigħ u t-tbatija hawn min jistaqsi għalfejn Alla jippermetti dan kollu? U jasal ukoll biex jgħid li l-kanċer hija marda li Alla jibgħat.  Aħna ma ħsibniex hekk!

Aħna rraġunajna li mingħajr Alla m’aħna xejn. L-aħħar xhur tagħna flimkien aktar ġejna qrib xulxin. Qabel konna ninħabbu ħafna, imma matul il-marda mħabbitna saret aktar profonda. Meta tieħu ħsieb bniedem marid u taqsam miegħu l-uġigħ tiegħu, tiskopri mħabba ġdida – mingħajr kundizzjonijiet.

Konna nitolbu regolarment flimkien. Ġejna aktar qrib ta’ Alla. Chris ma kienx qed jibża’ aktar mill-mewt. Qabel kien jagħmel iljieli jippassiġġa jibża’ dwar x’se jiġri minnu u minna.  Bl-għajnuna ta’ Alla rnexxielu jirbaħ il-biża’ u kien lest u ppreparat li jiltaqa’ ma’ Alla. 

Jien tlift tliet pilastri f’sena.  Tlettax-il ġurnata wara li mietet il-mamà bil-kanċer, imut il-papà bil-Covid. Spiċċajna kollha bil-Covid. Lanqas il-funeral ma stajna mmorru. U Chris kellu jibqa’ xahar waħdu, meta hu ukoll kien marid. Imbagħad miet hu wkoll. Kelli biex lil Alla ndur fuqu u ngħidlu biex jitlaq ‘il barra minn ħajti. U nsaqsih, “għalfejn għamiltli hekk?” Imma le! Anzi l-kontra. Aktar dorna lejh.

Kull filgħodu nitolbu u ngħidlu: “Grazzi talli qomt qawwija u sħiha. Għinni nilbes l-armatura tal-imħabba u l-qawwa tiegħek għal dan il-jum li ġej fuqi!”

Għax kull jum joffrilna sfida ġdida. Importanti ħafna li ngħixu l-ħajja – issa. U l-Mulej tassew ikun magħna!

Scroll to Top
Send this to a friend