Is-sebgħa ta’ omm

210 | Ottubru 2022

Fl-għeluq il-25 sena  mill-mewt ta’ M. Teresa, 5 ta’ Settembru 1997

Le, mhux qed nitkellem dwar is-sebgħa ta’ ommi jferfer quddiem wiċċi meta kont tifel waqt li twissini x’għandi u x’ma għandix nagħmel. Qed nitkellem fuq is-swaba’ ta’ Madre Tereża. Kemm kont narahom sbieħ idejha b’dawk is-swaba’ qosra u mkemmxin biż-żmien u x-xogħol, xhieda ta’ mħabba bil-fatti u mhux bid-diskors biss. Kienet tħobb tgħid: “Missu lill-fqir bl-imħabba tiegħek, kif is-saċerdot imiss b’tant ħlewwa l-Ġisem ta’ Ġesù fl-Ewkaristija.”

Għadni naraha b’dawk l-idejn titma’, tgħin, taħsel u żżiegħel b’tant nies foqra u batuti. Bihom kienet tħaddan wiċċ ta’ tifel ċkejken, tmelles ras marid jew moribond bi ħlewwa u mħabba liema bħalha. Meta filgħodu kienet tiġi fil-Home for the Dying, f’Calcutta, kienet tibqa’ sejra dritt fil-latrini tal-morda taħsel u tnaddaf b’idejha l-ħmieġ li nġabar matul il-lejl.

Bil-ġesti ta’ jdejha kienet tispjega l-ħsibijiet sempliċi u profondi tagħha. Għadni naraha terfa’ idha x-xellugija quddiem wiċċi, tiftaħ il-ħames swaba’ u b’sebgħa wieħed ta’ idha l-leminija tmiss il-ponta ta’ kull sebgħa ta’ idha l-miftuħa waqt li tgħid il-ħames kelmiet ta’ Ġesù: “You Did It To Me!”“Dan għamiltuh miegħi!”

Meta titkellem kienet tuża ħafna jdejha u subgħajha biex tenfasizza l-importanza ta’ dak li qed tgħid. Għadni naraha tkellem lis-sorijiet tagħha dwar x’għandhom jagħmlu meta xi ħadd ifaħħarhom jew imaqdarhom.

“Meta tisma’ lil xi ħadd ifaħħrek jew imaqdrek, ieqaf ftit…” Imbagħad, ippuntat subgħajha l-werrej lejn widintha leminija u kompliet, “… u isma’ sew dak li qed jgħidulek.” Imbagħad tmexxi subgħajha għal taħt imneħirha u tkompli: “Ara jekk dak li qed tisma’ huwiex minnu jew le. Jekk hu veru, allura aċċettah u ħallih jinżel f’qalbek”, filwaqt li tniżżel subgħajha minn taħt imneħirha għal fuq qalbha.

Imbagħad kienet terġa’ tqiegħed subgħajha taħt imneħirha u tkompli: “Jekk dak li qed jgħidulek mhux minnu, allura ħallih jibqa’ għaddej u joħroġ minn widintek l-oħra”, filwaqt li tmexxi subgħajha n-naħa l-oħra qisu ħiereġ minnn widintha x-xellugija. B’dan il-mod  sempliċi u qawwi kienet turi libertà kbira kif għandek tilqa’ l-kritika ġusta jew tħalli għaddejja l-kritika inġusta bla ma ttellfek il-paċi f’qalbek.

Din kienet il-qalb ħielsa ta’ M. Teresa. Kienet kapaċi tilqa’ kritika jew korrezzjoni kif ukoll it-tifħir u l-prosit bla ma titkisser jew tissuppervja. Kienet tfittex biss l-imħabba ta’ Alla u tal-foqra u mhux it-tifħir jew il-kritika tal-bnedmin.

Darb’oħra għallmitni xi ħaġa prezzjuża wisq. Meta staqsejtha f’wiċċha kif qatt nista’ nagħmel dak li tagħmel hi, ħarset dritt f’għajnejja u b’sebgħa ppuntat lejja qalti: “Father, dak li nista’ nagħmel jien ma tistax tagħmlu int. Imma dak li tista’ tagħmel int ma nistax nagħmlu jien. Flimkien, int u jien, ejja nagħmlu xi ħaġa sabiħa għal Alla!”

Dakinhar fhimt li biss dawk li kapaċi jagħmlu l-affarijiet iż-żgħar b’imħabba kbira jistgħu jibdlu u jsalvaw l-imsejkna dinja tagħna.

Scroll to Top
Send this to a friend