Għal Adriana u Toninu San Valentinu kien kuljum

214 |Frar 2023

San Valentinu kien kull jum tul 63 sena ta’ ħajja miżżewġa għal Adriana Costantino u Toninu li kibru u għexu f’Raħal Ġdid.

Iltaqajna ma’ Adriana li llum tgħodd 85 sena fid-dar tagħha. Hija rrakuntat lilna l-ħajja sempliċi, feliċi u ta’ mħabba bla kundizzjoni li kellha ma’ żewġha għal 63 sena sakemm romlot ftit aktar minn  sena ilu.

Stqarret li l-mewt biss  firdithom.

“Għandi u ser nibqa’ nħoss dil-firda. Tħossha ħafna wara dak is-snin kollha ma’ xulxin. Iebsa tassew x’ħin inħares lejn is-sodda li kienet tagħna għal 63 sena sħaħ u tagħlaq il-bieb u insib ruħi waħdi.”

Adriana iżżewġet meta kellha 22 sena u Toninu kellu 24 sena. Dak iż-żmien il-festa ta’ San Valentinu ma kienitx tiġi ċelebrata min-namrati u mill-għarajjes. Madankollu Adriana u Toninu taw ħajjithom għal xulxin b’imħabba sinċiera.

Adriana u Toninu kellhom tlitt itfal, Miriam, Vivienne, u Sandra.

“Ir-rispett bejnietna ma naqas qatt, anke fi zminijiet diffiċli. Toninu kien jaħdem it-tarzna. Meta iżżewiġna fl-1959, konna ngħixu bil-paga ta’ ħames liri fil-ġimgħa. Imma ma konniex ngħixu ħajja ta’ kapriċċi. Illum kultant niskantaw kif jgħidu li hawn il-faqar… jien naħseb il-faqar jiġi mill-moħħ għax ma jafux kif jimxu bil-galbu u ma jifirxux saqajhom ‘il barra mil-friex. Niftakar meta ġejna biex nixtru t-TV. Kellna t-tfal zgħaru domt naħsibha.

“Jiena qatt ma ħdimt għax meta kont sejra naħdem bħala nfermiera, missieri ma ħax gost li kont sejra naħdem barra mid-dar. Imma fil-ħajja miżżewġa għalkemm għexna b’paga waħda, konna kif jgħidu but wieħed mhux bħal ħafna koppji llum kulħadd għal rasu. Il-paga tiegħu kienet għalih, għalija u għall- familja kollha. It-tnejn konna bil-għaqal. Kien jaħdem u jirsisti u ma jitlifx l-okkażjoni meta kien ikun hemm is-sahra. U jien kont nieħu ħsieb id-dar u x-xiri u anki f’dan trid toqgħod ħafna bil-għaqal biex il-paga sservi, għaliex l-għaqal u l-ħila huma għalqa kbira. Konna kuntenti u meta stajna gawdejna flimkien anke b’xi safra.

“Ftit ilu wieħed tal-ħanut li nixtri minn għandu qalli, ‘imma Adriana qatt ma kellkom xi tgħidu bejnietkom?’ Jien weġibtu li le ta’! Qatt ma naf li kelli xi ngħid ma’ Toninu, lanqas qatt.  Is-sigriet taż-żwieġ dejjiemi u feliċi huwa li dejjem irid ikun hemm rispett u trid tissaporti xi ftit lil xulxin. Aħna dejjem afdajna lil xulxin.

“Toninu tiegħi kien mix-xogħol għad-dar imma kien jistenna li meta jiġi lura mix-xogħol isibni d-dar. Għalhekk meta kont immur s’għand  ommi, kont dejjem immur lura d-dar qabel Toninu jasal lura mix-xogħol. La huwa u lanqas jiena ma kellna għalfejn ingorru kontra xulxin għaliex konna niftiehmu u ma nagħmlu xejn kontra qalb xulxin.

Scroll to Top
Send this to a friend