Iltqajt miegħu fid-dar li jgħix fiha fi triq dejqa fis-Siġġiewi. M’hijiex monasteru kbir fuq muntanja mdawra bis-siġar, għall-ħoss tal-ilmijiet igelglu. Mit-tieqa stajt nisma’ l-istorbju tal-karrozzi u l-għajjat tal-bejjiegħ tal-ħut. Fra Gioele Galea m’huwiex maqtugħ fl-imwarrab imma jgħix, flimkien ma’ saċerdot ieħor, f’nofs belt jew aħjar raħal. Twieled fl-1965, u trabba n-Naxxar. Ta’ 22 sena daħal is-Seminarju. Seba’ snin wara ħalla Malta biex iħaddan il-ħajja monastika. Għex f’eremitaġġi fl-Italja, u wkoll, għal żmien qasir, f’eremitaġġ fl-Istati Uniti. Ftit tas-snin ilu reġa’ lura Malta. Ma tilef xejn mis-sejħa oriġinali tiegħu għas-solitudni; imma issa din is-sejħa ħadet għalih dimensjoni ġdida: dik ta’ ftuħ għal min, bħalu, jissara kuljum biex jikber fl-għarfien tal-misteru ta’ Alla. Fil-fatt, ħafna huma dawk li jfittxu lil Fra Gioele biex jakkumpanjahom fil-mixja spiritwali tagħhom.
Fra Gioele huwa wkoll kittieb u saħanistra rebbieħ ta’ diversi premji letterarji. Huwa qassis li jgawdi rispett fiċ-ċrieki letterarji. Xi kotba tiegħu huma best sellers. Il-letteratura tiegħu hija partikolari. Kitbietu kapaċi ċċaqlaq il-ġewwieni tiegħek u ġiegħelek taħseb dwar l-iskop tal-ħajja.
Staqsejtu, “Inti ma toħroġx minn dawn l-erbat’ ikmamar ħlief għall-bżonnijiet tiegħek? Il-għala dan? Inti eremit?”
Bil-kalma kollha jistqarr, “Fil-qalb ta’ qalbi, iva, jien eremit. Nipreferixxi s-skiet; nippreferixxi s-solitudni. Fihom insib lili nnifsi b’mod sħiħ quddiem Alla u fi mħabbtu.” Jispjega li skopra l-misteru ta’ Alla ta’ ħmistax-il sena, meta kellu laqgħa qawwija ma’ Ġesù Kristu. Din jirrakkontaha fil-ktieb tiegħu In-Nar Għandu Isem.
“Fis-sewwa kollu, ma kontx jien li għażilt li nkun eremita, imma kienet l-esperjenza tal-laqgħa tiegħi ma’ Kristu li mexxietni f’dik it-triq. Is-solitudni li Alla ħadni fiha, illum nifhem li kellha skop: dak li nogħdos ftit aktar fil-misteru tremend tiegħu. Huwa f’Alla li jien insib il-komunità u nħossni ħaġa waħda magħha.”
Ikompli jispjega Fra Gioele: “L-eremit hu bniedem bħall-bqija, bil-preġji, bid-difetti, u wkoll bid-dnub tiegħu. Meta nħbejt fl-eremitaġġ, ma kelli f’rasi li nitbiegħed minn ħadd; kelli f’qalbi biss li nħalli lil Alla jsaffini mill-mentalità tad-dinja, dik – pereżempju – li tagħmel mill-flus, alla; li tagħmel mis-setgħa, l-iskop tal-ħajja. Imbagħad, int u titbiegħed minn din il-mentalità tintebaħ kemm iż-żerriegħa tagħha tinsab fond ġo fik, u kemm trid tissielet biex ma tħallihiex tinbet u tixraf! Fis-sewwa kollu, minnu nnifsu ħadd minna mhu nadif. L-indafa hija biss fi Kristu u minnu. U meta Kristu jressaqna lejH jurina mħabbtu, u magħha wkoll dnubna. Mhux biex niddispraw, imma għall-umiljazzjoni tagħna. Mingħajr l-umiljazzjoni ma nitgħallmu qatt inżommu postna ta’ bnedmin li aħna. Min jippretendi li hu alla, mewt iħalli warajh, dlam, baħħ.”
Fra Gioele ma jiskandalizza ruħu bid-dnub ta’ ħadd, ikun min ikun. “Aħna lkoll magħġunin mill-istess għaġna,”jkompli jgħid. “M’hemmx ħażen li kull wieħed/waħda minna m’aħniex kapaċi nwettqu. U ladarba hu hekk, il-għala ma nħarisx lejja nnifsi qabel ma nogħxa nipponta sebgħi lejn ħija, lejn oħti? Il-għala ninfexx fit-tibna f’għajn ħaddieħor u ninsa t-travu f’għajni? Miskin jien jekk is-solitudni tiegħi ma tgħallimnix inħares lejja nnifsi fid-dawl ta’ Alla.”
Għax Fra Gioele huwa wkoll ħassieb u kommunikatur brillanti l-ħin miegħu ma tarahx għaddej! Wara sagħtejn flimkien kien wasal il-mument li jmur ikompli l-jum fis-solitudni. U jien ħriġt minn miegħu imxennaq aktar għal nies bħalu li jsaqqu l-fidi tagħna bil-ħsibijiet profondi tagħhom.
(fit-tieni parti li tidher f’ħarġa oħra, Fra Gioele jitkellem dwar is-soċjetà, il-ħajja tal-Knisja u l-ħtieġa akbar tat-tħabbira tal-Evanġelju).