Edson isir id-dell tiegħi

212 | Jannar 2023

ESPERJENZA MISSJUNARJA FIL-MOŻAMBIK

Il-Covid 19 waqqfet ħafna affarijiet milli jsiru, fosthom is-safar.  Minkejja li jiena bniedem li nħobb insiefer, din il-pandemija lili wkoll sammritni fuq din il-gżira għal tlett snin sħaħ.

Peress li ma kellix avventuri u esperjenzi ġodda lejn xiex inħares, ta’ sikwit kont noqghod inqalleb fir-rittratti u memorabilji oħra ta’ pajjiżi differenti li żort xi darba jew oħra.  Fost dawn ir-ritratti ġie f’idi rittratt tiegħi ma’ tfajjel ċkejken jismu Edson.  Dan it-tfajjel kont iltqajt miegħu meta għamilt esperjenza missjunarja ġewwa l-Możambik mall-grupp Amigos. KIen grupp immexxi minn patri Mario Abela mill-provinċja Agostinjana li ta’ kull sajf joffri esperjenza missjunarja lil numru ta’ żgħażagħ ‘il fuq minn tmintax -il sena. 

Ġewwa l-Możambik jien flimkien ma’ sħabi konna nibnu ‘palhotas’ jew aħjar għerejjex magħmulin mill-qasab, zkuk u ħaxix li jikber fil-madwar lill-familji foqra tal-villaġġ.  Konna ukoll inqassmu ‘hampers’ ta’ ikel lill-anzjani li ma kellhomx min idur bihom, ngħinu tfal ommijiet fit-tkabbir ta’ wliedhom u nagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni ġewwa skola li kienet immexxija mis-sorijiet u li fiha kienu jattendu madwar sitt mitt tifel u tifla mill-villaġġi tal-madwar.

Niftakar omm Edson kienet mietet bl-AIDS meta kien għadu żgħir u missieru telqu mas-sorijiet biex isib xogħol ġewwa l-belt kapitali.  F’dak iż-żmien li għamil il-Możambik dan Edison kien sar qisu d-dell tiegħi u kont insibu kważi kull fejn kont immur.  Mhux l-ewwel darba li kont inkun inħsilt wara ġurnata xogħol u nintefa’ nistrieħ ma’ sħabi u dlok kien jitfaċċa dan Edson li kien ikun għadu ġej min jaf minn fejn… kollu ħamrija u tajn u jintefa’ jaqbeż fuqi.  Nammetti li mhux dejjem kien ikolli aptitu imma dlonk kif kont nara dik it-tbissima fuq wiċċu u dik l-insistenza biex inkompli nilgħab miegħu kienet ittir l-għajja kollha tal-ġurnata u qalbi kienet timtela b’ferħ li ftit nista’ niddeskrivih.  Wara indunajt li għal dawk it-tliet ġimgħat lil dan it-tifel offrejtlu esperjenza ta’ missier, li fil-ħajja tiegħu qatt ma esperjenzaha. 

Tliet ġimgħat fil-ħajja ta’ bniedem jidhru li huma insinifikanti bħall-qatra ilma f’oċejan. Madanakollu, l-oċejan hu mgħamul minn ħafna qtar tal-ilma u din l-esperjenza tiegħi flimkien ma’ ta’ ħafna oħrajn jaf tkun oċejan għal dawk in-nies l-aktar tfal, li ma jafu xejn ħlief tbatija u faqar.  Għalhekk jekk inti titħajjar li dan is-sajf tkun qatra f’oċejan nistiednek li tikkuntattja lil Patri Mario fuq 79255936 .


Scroll to Top
Send this to a friend