Atleta bis-Celebral Palsy jiġri l-Maratona ta’ Barċellona

216| Ġunju 2023

Alex Roca għandu 31 sena u twieled u jgħix f’Barċellona. Il-passjoni tiegħu hija l-ġiri – sports li għal ħafna jidher xi ħaġa ordinarja. Imma Alex għandu 76 fil-mija ta’ ġismu b’diżabilità. Ta’ sitt xhur ħakmitu l-kundizzjoni tas-celebral palsy u t-tobba kienu stennew li jseħħu żewġ affarijiet għal dik it-tarbija ċkejkna: jew li jmut, jew inkella jgħix ħajja veġetattiva. Bil-għajnuna u l-inkoraġġiment tal-ġenituri tiegħu u ta’ nannuh, jidher li t-tweġiba ta’ Alex kienet, “la waħda u lanqas l-oħra!”. U għażel it-toroq tar-reżiljenza, il-qlubija u l-kuraġġ.

In-naħa tax-xellug ta’ ġismu hija kważi kompletament paralizzata u biex jitkellem Alex irid juża l-lingwa tas-sinjali.  Id-diżabiltà qatt ma waqqfitu milli joħlom. Bħala tifel kien jilgħab il-football, u madwar sitt snin ilu beda l-mountain biking u l-ġiri.

Fid-19 ta’ Marzu li għadda Alex ġera l-Maratona ta’ Barċellona f’ħames siegħat, ħamsin minuta u 51 sekonda. Hu spiċċaha fost l-għajjat ta’ “Victoria” minn tim ta’ ġerrejja li ġrew miegħu biex jagħtuh is-sostenn tagħhom. Fit-tmiem tal-maratona Alex qal li hu qatt ma waqaf joħlom.

Din hija l-ewwel darba fid-dinja li persuna b’daqshekk diżabbiltà temmet uffiċjalment maratona. Permezz tal-lingwa tas-sinjali huwa qal li “jekk erba’ snin ilu xi ħadd qalli li stajt nagħmel dak li għamilt illum, ma kontx nemmnu.

“Jien iddeċidejt li niġri l-Maratona ta’ Barċellona biex dawk li jibżgħu li jwettqu xi għan f’ħajjithom jarawni fit-tmiem tat-tiġrija u jgħidu lilhom infushom. ‘Jien nista’ nagħmilha wkoll.’

“Għad m’għandix kliem biżżejjed biex infisser dak li qed inħoss. Qed niftakar fix-xhur kollha ta’ ħafna ħidma iebsa ta’ tħejjija kontinwa. Minkejja d-diffikultajiet kbar li għandi rnexxieli nasal sat-tmiem tat-tiġrija. Tassew inħossni xxurtjat li ġrejt 42,1295 metru.”

Alex kompla jgħid li huwa jiġri għax jieħu gost. “Nixtieq ngħid li lkoll kemm aħna nistgħu nwettqu ħwejjeġ kbar, anki meta jkollna limitazzjonjijet fiżiċi. Ġismek ma jiddefinixxix il-kapaċità tiegħek. Jekk għandek ir-rieda, allura tista’ u jirnexxielek tasal ħafna.

“Bħalissa qed niftakar fin-nannu li għallimni nimxi, u fit-tobba li qaluli li qatt ma hu se nasal li nimxi.”

Apparti l-maratona ta’ Barċellona, Alex ġera sitt nofs-maratoni, ħames triatloni, u tellieqa bir-rota ta’ sitt ijiem sħaħ fid-deżert tal-Marokk.

Hu beda jipprepara għall-maratona sena ilu b’taħriġ li jinkludi ġiri, eċerizzji fil-gym u fiżjoterapija.

“Ippreparajt lili nnifsi sew mentalment ukoll. Għall-maratona trid ħafna motivazzjoni u saħħa mentali. Il-ġiri hu bħal ħajja. Jekk għandek għan, trid tirsisti għalih. Jekk taqa’, trid tqum.

Roca wkoll iħares lejn l-isport bħala mezz biex jikkomunika mad-dinja. “Jien nitkellem biss bil-lingwa tas-sinjali. Ħafna nies ma jifhmunix. Imma permezz tal-isports nista’ nikkomunika. L-Isport huwa reżiljenza, dixxiplina, teamwork.”

Scroll to Top
Send this to a friend