Anzjani jferrħu anzjani

212| Jannar 2023

“Inħabbru l-mewt tiegħek Mulej, inxandru bil-ferħ il-qawmien tiegħek, nistennewk sakemm tiġi fil-Glorja”. Din hija l-essenza tal-messaġġ Evangeliku li Joe  C. Aquilina u tliet tenuri flimkien ma’ volontiera oħra qed iwassal b’mod l-aktar innovattiv kull nhar ta’ Ġimgħa f’diversi djar tal-anzjani f’dik li qed isejħulha Happy Hour with Jesus.

Fl-età ta’ 70 sena, Joe qed ikompli fit-triq tal-Evanġelizazzjoni li beda f’żgħożitu bħala soċju tal-MUSEUM  u kompla bħala membru tal-Moviment Kariżmatiku.

F’intervista li kelli miegħu,  huwa qal li dejjem osserva li spiss hemm distakk bejn it-talb formali  u kemm fil-fatt in-Nisrani qed jifhem u jħoss it-tifsira tiegħu. Stqarr li jkiddu l-fatt li fit-talb anki waqt il-quddies jara distakk bejn il-kliem li  jitlissen u l-emozzjoni nieqsa,  li tixhed li l-persuna ma tkunx verament qed tħoss is-sens veru ta’ dak li qed tgħid bil-fomm.

Waqt li semmili eżempji biex isostni din il-konvinzjoni tiegħu, qalli li sab mezz innovattiv kif bih qed jipprova jagħti aktar sens parteċipattiv lit-talb permezz ta’ repertorju ta’ għanjiet maħsuba prinċipalment għall-anzjani.

Dan illum jinkludi mal-ħames mitt għanja ta’ ferħ li  huma evanġelistiċi jew tifħir u ringrazzjament lil Mulej għal dak kollu li għamel magħna. 

“Aħna speċi ta’ PREDIKATURI li noffru Karaoke tal-Mulej u f’kull sessjoni aħna nuru  fuq l-iscreen il-kliem tal-għanijiet kollha bil-Malti biex kulħadd ikun jista’ jkanta magħna.”

Dawn l-għanjiet bil-Malti huma fil-fatt adattament ta’ kanzunetti popolari li kienu fil-Hit Parades tas-snin ħamsin, sittinijiet u tas-sebgħinijiet u siltiet minn mużika oħra popolari mill-opri, musicals u mill-films. Għalhekk huwa faċli aktar li l-anzjani jassoċjaw ruħhom mar-ritmu tal-mużika u tal-melodija. Joe qalli li hu jippreferi jkanta l-kompożizzjonijiet oriġinali tiegħu imma l-fatt li l-anzjani jkunu diġà jafu l-melodija, allura aktar jikkonċentraw fuq il-kliem.

Joe jgħid li l-mod kif id-dinja tad-divertiment spiss għamlet profan dak li kien sagru, b’dawn l-għanijiet addatati, huma qed  ibiddlu dak li kien sekulari profan f’sagru. Għal Joe, l-mużika mhijiex l-iskop iżda l-mezz kif tqarreb lill-individwu lejn il-Mulej. Ħasra li l-kelma miktuba f’dan l-artiklu ma tistax tirrapreżenta t-tifsira sħiħa u taqbad l-atmosfera tal-“Happy Hour with Jesus”. Hekk isejħulha s-sessjoni biex tindika li l-ferħ veru ġej Mulej.

Joe flimkien mat-tenuri Paul Gatt, Reginald Schembri u Arthur Micallef u Monica Callus mgħejjunin minn Emmanuel Attard Cassar qed iqattgħu siegħa fil-ġimgħa mal-anzjani f’din l-esperjenza sabiħa li qed tkun ferm apprezzata mill-anzjani infushom kif tixhed il-partiċipazzjoni tagħhom f’dawn l-għanijiet ta’ Evanġelizazzjoni b’tifħir lill-Mulej. Godwin Mallia jieħu sehem ukoll billi jmexxi l-parteċipanti f’talb għall-fejqab.

Joe jemmen li bil-kant imnebbaħ u imsejjes fuq l-esperjenzi tal-ħajja jgħin biex l-individwu jidħol f’relazzjoni eqreb ma’ Alla. “Aħna niżirgħu il-Kelma, imbagħad inħallu f’idejn Alla kif din tolqot kull individwu.”

Din il-missjoni mill-anzjani għall-anzjani hija  xhieda wkoll ta’ volontarjat attiv mingħajr ebda ħlas. Bdiet  madwar  5 snin ilu bħala prayer meeting  f’Casa Leone imma żviluppat f’inizjattiva aktar wiesgħa. Issa nfirxet f’diversi djar tal-anzjani tal-knisja u tal-privat kif ukoll f’day centres u f’laqgħat oħra tal-anzjani. Joe qalilna li lesti jkomplu joffru das-servizz anke fi djar oħrajn tal-anzjani jekk jintalbu. “Sakemm għad għandna saħħa nibqgħu inkantaw sal-aħħar nifs.  U wara l-aħħar nifs inkomplu nkantaw għal dejjem.”

Scroll to Top
Send this to a friend