Tabib Musulman fl-Isptar Malti fil-Ghana
“Jien nemmen li meta tmiss il-qalb tat-tfal u dawn jitolbu għalik, Alla l-Imbierek jisma’ t-talba tagħhom. It-tfal huma innoċenti u huma wisq qrib tal-qalb ta’ Alla. Hu dejjem ikun magħhom u persważ li jkun irid jaqtagħlhom xewqithom.”
Hekk stqarr miegħi Ampofo Issa, anastetista fil-HopeXchange Medical Center, l-Isptar Malti f’Kumasi fil-Ghana waqt żjara li għamilt riċentament flimkien ma’ grupp ta’ żgħażagħ Maltin. L-Isptar inbena permezz ta’ fondi miġbura mill-Ghana Mission Foundation u llum iħaddem mat-300 persuna bejn tobba, infermiera u ħaddiema oħra. Kelli x-xorti li nara lil John jassisti operazzjoni fuq tifel ta’ sitt xhur. Bqajt impressjonat li qabel bdiet l-operazzjoni t-tobba inġabru għal mument ta’ skiet. Wara tkellimt miegħu dwar kif iħares lejn il-fidi, it-talb, u l-firdiet bejn ir-reliġjonijiet.
“Tassew nifraħ meta jkolli operazzjoni fuq tfal ċkejknin. Qabel kull operazzjoni jien dejjem nitlob, imma meta tkun fuq it-tfal din tkun talba speċjali. Ma nafx kif, imma nħoss il-barka ta’ Alla tasal għandi permezz tagħhom!”
John huwa Musulman filwaqt li martu u wliedu huma insara. Stqarr miegħi li kull nhar ta’ Ġimgħa jmur il-moskea biex iwettaq id-dmirijiet reliġjużi tiegħu skont it-tagħlim tal-Koran. “Imma nhar ta’ Ħadd nipprova li dejjem immur il-Knisja flimkien ma’ familti. Ma nsib l-ebda kontradizzjoni f’din. Kemm fil-moskea kif ukoll fil-knisja nitgħallem ngħix! Il-valuri komuni tat-twemmin tagħna, minkejja d-differenzi li mhumiex żgħar, iwassluni biex nagħraf x’għandi nagħmel biex nogħġob lil Alla billi nservih sewwa fil-qadi ta’ dmirijieti.
“Il-Ħallieq tagħna ħalaqna ħielsa u tana l-kapaċità tal-għażla. Ikun żball kbir meta nippruvaw nisfurzaw lil xi ħadd biex jimxi fit-triq li jidhrilna li hija l-unika waħda. Ir-reliġjon li wieħed jemmen fiha għandha tkun frott ta’ għażla libera u mhux sfurzata.
Hu kompla jispjega li f’Alla l-Imbierek m’hemm l-ebda firda. “Nemmnu x’nemmnu aħna kollha wliedu. Alla huwa imħabba u din għandha tkun il-ħaġa li tgħaqqad ir-reliġjonijiet kollha. Il-bażi vera ta’ kull adorazzjoni mhumiex ir-riti imma l-imħabba għal Alla u għal proxxmu, hu min hu, u jemmen x’jemmen. Ir-riti huma importanti imma sekondarji.”
Staqsejtu kif jispjega li hawn nies jippersegwitaw lil ħaddieħor għax ma jemmnux bħalhom. Hu kien pront wieġeb, “Għax ma jifhmux jew ma jridux jaċċettaw li n-natura vera ta’ Alla hija l-imħabba! Ukoll, għax ma jkollhomx relazzjoni personali miegħu. U allura ftit li xejn jafu min hu u xi jrid minnhom.
“Meta ma nirrispettawx id-differenzi ta’ bejnietna, anki l-modi diversi kif inħarsu lejn Alla, allura r-reliġjon ma tkunx waħda vera, imma mgħawġa. U minflok tressaqna lejn Alla tbegħidna minnu. Kif jista’ jkun wieħed li jemmen verament f’Alla jobgħod lil ħaddieħor għax ma jaqbilx miegħu fil-mod kif jifhimha fuq Alla?”
Tkellimna wkoll dwar it-talb. “Inħobb nitlob kif tgħallimt bħala Musulman. Imma t-talba favorita tiegħi hija l-Missierna! Għalija din tesprimi dak kollu li jien nemmen f’Alla u fiha nsib pjan ta’ azzjoni għal ħajti – li nfaħħar lil Alla, li nagħmel ir-rieda tiegħu, li niddependi fuq il-providenza tiegħu, li naħfer u naħrab dak kollu li jbegħidni minnu.”
Fl-aħħar John xtaq jirringrazzja lill-Maltin li bnew dan l-Isptar. “Il-ġenerożità tagħkom turi l-imħabba li intom għandkom lejn kull bniedem, hu min hu, u ta’ liema razza jew reliġjon hu. Ta’ dan Alla jberikkom!”