L-isfidi tax-xogħol, il-ħin u t-teknoloġija. Il-familja x’se jibqagħlha?

Ħarġa 206 | Mejju 2022

“M’għandniex ħin. Ma’ xiex se tlaħħaq?”

“Kif jista’ jkun? Minn xogħol għal xogħol. Bilkemm naraw wiċċ xulxin, aħseb u ara.”

“Inkunu għajjenin. Mhux bilfors taqbżilna mbagħad?”

“Aħjar niddamdmu bix-xogħol aħna l-ġenituri, milli nonqsu lit-tfal minn xi ħaġa. It-tfal l-ewwel.”

“It-tfal bil-għaqal. M’għandna xejn minnhom. Il-ħin kollu f’kamrithom quddiem il-kompjuter.”

“Jiskru jilagħbu fuq il-kompjuter. Imma ħin l-ikel inċemplilhom fuq il-mowbajl u jinżlu.”

“Nieklu flimkien, basta tħallihom bil-mowbajl f’idejhom. Jekk le, ġlieda.”

Naħseb li lkoll naqblu li dawn huma frażijiet li kulma jmur nisimgħuhom dejjem iżjed. Jirriflettu r-realtà li qed jgħixu fiha l-familji fis-soċjetà tal-lum.

Meta bħala psikoterapista tal-familja niltaqa’ u naħdem kuljum man-nies, jgħiduli li l-ħajja kulma jmur qed issir iktar diffiċli; l-isfidi jiżdiedu. Ifissruli kif iridu jlaħħqu mad-dar, max-xogħol (għal wieħed, tnejn, jekk mhux iżjed), mal-impenji tal-iskola tat-tfal u l-HWs, mal-attivitajiet wara l-iskola (futbol, żfin, pjanu, arti, privatijiet, eċċ.), mal-bżonnijiet ta’ kuljum bħax-xiri, tisjir (meta jlaħħqu), u ħafna spejjeż. Ġirja sfrenata.

“U l-ħin li jibqa’?”, nistaqsi jien. Jgħiduli li t-tfal fuq il-kompjuter jew fuq il-playstation ma jixbgħux, u ma taqlagħhomx minn hemm jekk mhux bil-ġlied.

Sadattant, ħafna jilmentaw minn problemi fir-relazzjoni tal-koppja; diżgwid fid-dar, għax min jiġbed ‘il hawn u min jiġbed ‘il hinn; imġiba diffiċli mit-tfal għax jirrispondu, ma jobdux, jitkellmu ħażin u jisfidaw il-kelma tal-ġenituri; problemi bl-imġiba jeskalaw anki l-iskola; u ħafna iżjed.

Nirriflettu ftit.

Mhumiex dawn kollha relatati ma’ xulxin? Jekk forsi rridu nlaħħqu ma’ kollox, u nipprijoritizzaw l-istil tal-ħajja li derrejna lilna nfusna bih, mhuwiex dan li se jwassal għal inqas ħin u iżjed stress fil-ħajja tagħna ta’ kuljum? U mhuwiex dan, imbagħad tradott f’iżjed nervi, f’inqas tolleranza għal xulxin, f’inqas djalogu ma’ xulxin fid-dar, f’iżjed individwaliżmu ġod-dar, kulħadd għal rasu? U mbagħad mhux naturali li nitbiegħdu minn xulxin u għal kull bżonn ta’ appoġġ, inkluż dak emozzjonali, ma nsibux lil xulxin? U dan ma jikkaġunax uġigħ tal-qalb għax inkunu nħossuna mhux maħbubin u abbandunati? U dan ma joħloqx arja tqila ta’ kunflitt fid-dar? U meta dan isir quddiem it-tfal, ma jimlihomx bl-inkwiet? Ma jnissilx fihom tensjoni li jġorru magħhom barra mid-dar u jimmanifestawha b’imġiba diffiċli? U l-inkwiet li jidħlu fih ma jiġix lura f’ħoġor il-ġenituri u jkompli jimmultiplika t-tensjoni fid-dar, speċjalment meta t-tfal jibdew jirreaġixxu mal-ġenituri bl-istess mod iebes li jkunu qed jitgħallmu minnhom stess?

Mhuwiex dan ċirku vizzjuż?

Nirrikonoxxu li l-isfidi tal-ħajja tal-lum huma kbar. Ma nistgħux ma naħdmux, nistinkaw, u nqattgħu bi snienna. Fil-maġġorparti tan-nies, dan isir mhux għall-kapriċċi, imma biex ngħaddu b’mod komdu u ma jkun jonqosna xejn bażiku. Fil-frattemp, il-ħin ġie ħafna iżjed prezzjuż u l-użu tat-teknoloġija ma nistgħux ngħaddu mingħajrha. Kollox sar teknoloġija. Dik hi d-direzzjoni tad-dinja moderna.

Kif se nsibu soluzzjoni? Kif se nilħqu xi forma ta’ bilanċ? Il-familja x’se jibqagħlha?

Min jaf kieku…

  • il-koppja jieħdu ħsieb tagħhom infushom u jagħmlu ħin għal xulxin biex jibqgħu sani u magħqudin. U meta jitlewmu u jargumentaw, jevitaw li jagħmlu dan quddiem it-tfal. Jekk ma jirnexxilhomx, almenu bħala rimedju jaċċertaw li jagħmlu paċi quddiemhom;
  • il-ġenituri jagħmlu ħin ta’ kwalità mat-tfal, jisimgħuhom, jitkellmu u jilagħbu magħhom, u jindirizzaw flimkien il-bżonnijiet tagħhom;
  • il-ġenituri jaċċertaw ġbid ta’ ħabel wieħed u konsistenza fil-mod kif ifasslu flimkien ma’ wliedhom u fil-mod kif jiġu rispettati r-regoli fid-dar, inkluż il-ħinijiet u l-użu tat-teknoloġija;
  • kull membru tal-familja jipprijoritizza lill-ieħor u l-ħajja tal-familja fuq l-affarijiet l-oħra kollha.

L-ebda għawġ familjari ma jissolva bil-ħinijiet twal u eċċessivi tax-xogħol u l-ebda flus u teknoloġija ma huma se jsolvuh.

Ninvestu f’xulxin!

Scroll to Top
Send this to a friend