Dalwaqt il-Milied, żmien li għal xi wħud ifisser aktar ġenn, għall-oħrajn żmien fejn il-familja tingħaqad, u għal xi wħud jista’ jkun żmien li jġib memorji mhux daqshekk ħelwin. X’se nixtri bħala rigali? Ktibt kartolina lil kulħadd? X’se nsajjar għall-ikla tal-Milied? Lil min se nistieden?
Dawn huma ftit mill-mistoqsijiet li x’aktarx nistaqsu f’dan iż-żmien. Ħafna jassoċjaw il-Milied ma’ żmien ta’ ferħ u ċelebrazzjonijiet. Forsi kultant dan il-ferħ jaf ikun sfurzat, jew inkella superfiċjali għaliex jiffoka wisq fuq dak li huwa materjali u li jgħaddi.
Biss, fir-realtà, iż-żmien tal-Milied għan-nisrani huwa żmien ta’ ferħ għaliex f’dan iż-żmien niftakru u niċċelebraw l-imħabba bla qies ta’ Alla. Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Ġesù, l-Iben ta’ Alla, tneżża’ minn kollox u sar bniedem bħalna. Kemm huma sbieħ il-kliem ta’ Sant’Atanasju: “Alla sar bniedem, sabiex il-bniedem isir Alla,” jiġifieri, kif insibu fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, sabiex il-bniedem jissieħeb fin-natura divina ta’ Alla.
Huwa minħabba f’hekk li l-Knisja toffrilna żmien ta’ preparazzjoni u stennija eżatt qabel il-Milied. Dan huwa perjodu li jikkonsisti f’erbat Iħdud qabel il-Milied u nsejħulu Avvent, kelma li ġejja mil-Latin adventus, li tfisser miġja. F’dan iż-żmien ta’ stennija hienja, aħna nagħrfu nħejju ruħna aħjar għall-miġja ta’ Ġesù, kemm billi nindmu minn dnubietna kif ukoll billi nagħtu aktar importanza lis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla. Propju dan il-perjodu ta’ stennija jkebbes fina wkoll il-ferħ, il-ferħ li jiġi biss meta qalbi mħejjija li tilqa’ lil Ġesù.
Fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Knisja, matul dan iż-żmien nużaw il-kulur vjola li jfakkarna fl-importanza tal-indiema, tal-preparazzjoni u anki tas-sagrifiċċju. Il-liturġija fi żmien l-Avvent tiġbor temi importanti fil-fidi tagħna fosthom li nishru, inħejju, nifirħu u fl-aħħar nilqgħu lil Ġesù f’ħajjitna. Infatti, dawn l-erba’ temi nsibu l-enfasi tagħhom matul il-Ħdud tal-Avvent, tant illi fit-tielet Ħadd il-kulur liturġiku huwa dak roża li jissimbolizza l-ferħ.
Sabiex tgħinna f’din il-mixja, il-Knisja tagħmel użu mill-girlanda tal-Avvent. Din tkun magħmula minn ħaxix li hu dejjem aħdar, kif ukoll għandha forma ta’ ċirku, sinjal li jfakkarna li f’Alla la hemm bidu u lanqas tmiem. Kull nhar ta’ Ħadd tinxtegħel waħda mix-xemgħat tal-girlanda li jissimbolizzaw it-tama, il-paċi, il-ferħ u l-imħabba. Il-figura prinċipali taż-żmien tal-Avvent hija Marija Santissima, dik l-omm li b’tant stennija laqgħet lill-Iben ta’ Alla f’ġufha.
Tajjeb insemmu li l-Avvent jinqasam f’żewġ partijiet. Infatti, fiċ-ċelebrazzjonijiet u t-talb liturġiku naraw bidla fl-enfasi. Fl-ewwel parti, qabel is-17 ta’ Diċembru, insibu enfasi fuq it-tieni miġja ta’ Ġesù, fejn fl-aħħar taż-żminijiet se jerġa’ jiġi Bin il-bniedem, din id-darba biex isir il-ġudizzju finali bejn it-tajjeb u l-ħażin. Fit-tieni parti tal-Avvent, imbagħad, niffukaw fuq il-miġja ta’ Ġesù elfejn sena ilu, it-twelid tiegħu f’Betlehem. Għalhekk, mis-17 ta’ Diċembru ’l quddiem, l-ispirtu jkun iktar ferrieħi u ċelebrattiv għall-festa tal-Milied.
Lestejtha x-xirja tar-rigali? Ma qbiżt lil ħadd, hux? X’se ssajjar għall-Milied? U min jaf kemm-il mistoqsija oħra jġib miegħu dan iż-żmien ta’ qabel il-Milied. Imma stenna ftit, għan-nisrani dan il-perjodu tal-Avvent iwassalna biex nistaqsu mistoqsija prinċipali: jien lest biex nilqa’ b’ferħ lil Ġesù fil-ħajja tiegħi, Ġesù li ġie elfejn sena ilu, illi ġej fl-aħħar taż-żminijiet, imma wkoll li kontinwament jiġi jżurni fil-preżenza ta’ ħuti li huma fil-bżonn?