Il-Belt Valletta ili mmur is-snin. Ħdimt 41 sena l-Belt. Darba f’ġimgħa għadni mmur quddiesa bir-Rit Biżantin fil-Knisja tal-Griegi. Imma ftit ilu fettilli nsegwi grupp ta’ turisti li kellhom gwida tajjeb ħafna. Dan beda jispjegalhom ir-rikezzi li hemm f’kull rokna tal-Belt. Bqajt imbellaħ għax bdejt nara affarijiet li rajthom u missejt magħhom għal ħafna snin imma qatt ma immaġinajt xi storja hemm warajhom.
Forsi aħna li twelidna nsara f’pajjiż b’kultura Nisranija jista’ jkun li qed jiġrilna l-istess. Aħna miljunarji imma qed ngħixu ta’ ċakkara! Alla berikna b’pajjiż sabiħ, xemxi u mdawwar bil-baħar kaħlani li l-kulur tiegħu, tħares lejh, jimlik bil-ħajja. Alla tana fidi fil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu li hi l-aqwa motivazzjoni biex ngħixu ħajja pożittiva. Wara kollox is-sinjal tas-Salib huwa “plus sign”.
Fil-Quddiesa, aħna nistqarru li sewwa u xieraq li dejjem u kullimkien inroddu ħajr lil Alla. Fil-lingwa kontemporanja nistgħu ngħidu li 24/7 inkunu fejn inkunu għandna jkollna sens ta’ rikonoxxenza lejn Alla, li minnu tiġi kull barka. Il-kelmiet “sewwa u xieraq” donnu jagħtuna sens ta’ obbligu – imma s-sens ta’ gratitudni lejn Alla ma jistax jiġi impost minn barra bħala dmir, imma jrid joħroġ minn qiegħ qalbna bħal-lava li toħroġ minn vulkan.
Meta wieħed jistenbaħ mill-“coma spiritwali” u jilqa’ b’mod konxju lill-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tiegħu, kollox jinbidel ta’ taħt fuq. Il-grazzja ta’ Alla hi gratwita, rigal li jtihulna Alla fil-ħniena infinita tiegħu. Huwa dan l-Ispirtu li jnebbaħna ħa ngħajtu lill-Missier, “Abba”. Ma tistax tħoss li int wieħed minn ulied Alla għax xi ħadd jgħidlek jew iħeġġek, imma trid tiġi minn ġewwa fik.
Jekk tfittex bil-Google l-espressjoni “attitude of gratitude” issib terz ta’ miljun entrata. Il-bniedem qed jiskopri li meta wieħed iħares lejn il-ħajja b’sens ta’ gratitudni, jagħmillu tajjeb ħafna. Min-naħa l-oħra attitudni negattiva hi l-kawża ta’ ħafna mard, kemm psikoloġiku u kultant anki fiżiku.
Alla sejħilna għal-libertà ta’ wlied. Li nagħrfu li għandna Missier li jieħu ħsiebna fih innifsu hu pass ġgantesk biex tinqala’ mix-xibka tan-negattiviżmu u tħares lejn il-ħajja minn lenti ta’ fidi. Aktar minn hekk aħna qed nirċievu superabbundanza ta’ grazzji kuljum: xi wħud minnhom nindunaw bihom, imma ħafna minnhom jiġrilhom bħall-ilma tax-xita li jispiċċa fil-baħar bla ma jkun saqqa l-għelieqi. Meta niftħu għajnejna u nibdew ngħidu l-kelma “grazzi” lill-Mulej u lil xulxin, il-grazzji kemm ordinarji u kemm straordinarji nibdew nilqgħuhom u ngħixuhom.
Nisrani bla tbissima hu kontradizzjoni
Għax nemmnu fir-realtà ta’ Kristu Msallab u Rxuxtat, aħna rridu nkunu esperti fil-ferħ tal-ħajja ordinarja ħalli nkunu edukaturi tal-ferħ b’mod prattiku. L-Evanġelju jitlob minna li jkollna attitudni ta’ gratituni li n-nies iġġegħelhom jistaqsu: Għala għandek sens ta’ ferħ u sliem?
Ħafna jiftakru li f’Lulju tal-1975, il-Papa Pawlu VI kien ħareġ l-enċiklika Humanae Vitae. Imma ftit jiftakru li fl-istess sena, f’Mejju, kien ħareġ Gaudete in Domino, ezortazzjoni apostolika dwar il-ferħ nisrani. Inħeġġek li tiddawnlowdjaha, tixtarrha u tgħixha!