Wara sajf b’dak kollu li jġib differenti miegħu għal ħafna familji, speċjalment bidliet fir-rutini tat-tfal, eċċ, issa jerġa’ jinbidel kollox. Ibda mit-temp, u kompli bl-attivitajiet u l-impenji. Is-sena skolastika ġdida u r-rutina tat-tfal, per eżempju, tieħu prijorità daqstant li kollox b’xi mod irid idur magħha.
L-importanza ta’ struttura
Għall-esperjenzi u l-iżvilupp ħolistiku tat-tfal, l-istruttura tal-familja hi importanti ħafna, mhux biss għax torganizza lill-membri u lill-familja nnifisha, imma saħansitra tippreserva u tittrasmetti lit-tfal il-valuri u t-twemmin fi ħdan dik is-sistema. Għax verament li l-kliem iqanqal. Imma ma ninsewx li hu l-eżempju li jkaxkar.
X’qed ngħid? Konkretament, li l-ġenituri jkunu kapaċi juru bl-eżempju li bejniethom kapaċi jieqfu mill-ġirja sfrenata tax-xogħol u jitkellmu, jiddiskutu, jiftiehmu, jaqsmu x-xogħol bejniethom, jippruvaw jikkordinaw l-appuntamenti u l-impenji tagħhom mal-attivitajiet tat-tfal, jirnexxilhom jibqgħu jiċċajtaw u jitbissmu, jagħdru lil xulxin quddiem l-imperfezzjonijiet u jaħfru lil xulxin. Hekk tibqa’ tikber ir-relazzjoni ta’ bejniethom, waqt li jkunu jagħtu eżempju ħaj lil uliedhom ta’ kif fejn hemm l-għaqda, tabilħaqq ikun hemm is-saħħa.
Minkejja d-differenzi fil-karattri u l-personalitajiet, il-ġenituri xorta huma dejjem għatxana biex jiksbu iżjed għodda biex jarmaw lil uliedhom bl-aħjar ħiliet bażiċi li jgħinuhom ikampaw quddiem l-isfidi fl-iskola u fis-soċjetà. Sfortunatament, ħafna huma dawk l-adulti li jagħżlu l-iqsar triq, ċioè li jippakkjaw il-ġurnata ta’ wliedhom bl-attivitajiet extra-kurrikulari wara l-ħin tal-iskola, biex huma jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin bil-ġurnata tagħhom. U fejn hu l-ħin mat-tfal wara l-iskola?
- Li npoġġu bilqiegħda magħhom niċċekkjaw ix-xogħol tal-iskola u nissapportjawhom bil-HW…
- Li nippreparawlhom xi ħaġa tal-ikel bnina flok xi ħaġa tal-għaġġla minn barra…
- Li nuruhom li aħna hemm għalihom tant li nindunaw meta jkun ġralhom xi ħaġa għax nafuhom sew…
- Li nisimgħuhom u nitkellmu magħhom bil-kalma dwar kif iħossuhom huma u kif inħossuna aħna…
- Li ninvolvuhom f’xi faċenda tad-dar u anki niċċaqalqu magħhom u nilagħbu ftit flimkien…
It-tfal ma jafux jagħmlu struttura biex jiddeterminaw kif se tiżvolġi l-ġurnata tagħhom. Mela meta aħna l-kbar infasslu struttura b’x’inhu mistenni minnhom, it-tfal ikunu qed jitgħallmu l-famużi ‘boundaries’ – safejn jistgħu jaslu, x’inhu aċċettabbli u x’mhux, kif se jirreaġixxu l-ġenituri jekk ma jonorawx dak miftiehem, u jitgħallmu kif iġibu ruħhom.
L-istruttura tkun dgħajfa jekk mingħajr konsistenza
Jekk ma nkunux konsistenti, l-istruttura tiġġarraf. It-tfal intelliġenti, ikunu josservaw u jassorbu l-ħin kollu kwalunkwè sentiment u azzjoni tal-kbar. Meta l-kbar ifasslu struttura, indispensabbli li jkunu konsistenti fit-twettiq tagħha. Il-konsistenza tagħti lit-tfal sens ta’ sigurtà, speċjalment quddiem dak li jista’ jinqala’ bla mistenni u li normalment jikkaġuna ansjetà. Fil-frattemp, meta l-istruttura hi ċara, u l-adulti jibnu profil ta’ konsistenza mal-ulied, allura dawn tal-aħħar jitgħallmu li jekk ma jaderixxux, ikunu jridu jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-għażliet tagħhom stess.
Is-suċċess igawdi minnu kulħadd
Patti chiari, amicizia lungha jgħidu t-Taljani. Fi lsienna, l-ispirtu tal-frażi hu li fejn hemm regoli ċari, nistgħu nżommu relazzjoni mill-aqwa. L-istess meta fil-familja noħolqu struttura b’saħħitha u niġbdu ħabel wieħed biex b’konsistenza nżommu magħha. Ir-riżultat ikun wieħed ta’ bilanċ, fejn il-membri tal-familja jgawdu minn varjetà ta’ impenji u attivitajiet ta’ kuljum, waqt li jibqgħu jgawdu ħin ta’ kwalità għalihom infushom u ma’ xulxin. Is-suċċess ikun ta’ kulħadd.