X’aktarx li l-ewwel xbieha li titla’ quddiem għajnejna kull darba li nisimgħu l-kelma ‘meditazzjoni’ hija ta’ xi ħadd bilqiegħda b’għajnejh magħluqa quddiem xena idillika. Imma eżattament il-meditazzjoni x’inhi? Iltqajna ma’ Patri Charlò Camilleri, Karmelitan, li għadu kif ippubblika l-ktieb “Meta r-ruħ tintbill fid-deheb”. Tkellimna miegħu dwar x’tifsira għandha l-meditazzjoni fid-dinja tal-lum.
Mara anzjana li titlob kuljum. Omm li tmur il-quddiesa darba fil-ġimgħa u daqshekk. Tfajla li ma tmurx quddies imma kull filgħodu tagħmel nofs siegħa yoga. Tant nies li m’għandhomx nifs jieqfu jaħsbu fuq ħajjithom. Ieħor li hu anjostiku imma darba fix-xahar imur iżur lill-ħabsin. Dawn x’tista’ tfisser il-meditazzjoni għalihom?
Tista’ tfisser dak l-eżerċizzju l-ewwel li jiffurmak biex toqgħod u tkun miegħek innifsek. Minn hemm jibda kollox. Imma kif nistgħu nsibuh lil Alla f’nofs il-ħajja ta’ kuljum?
Lil Alla ma ssibux. Alla tintebaħ bih fik innifsek. Alla mhux oġġett li tmur tfittxu u ssibu qalb ħafna oħrajn. Alla HU. Għajnejk iridu jinfetħu. It-taħriġ meditattiv jagħtina l-għodda biex nitgħallmu nintebħu.
Meta nħossuna għatxana għal xi ħaġa “aktar” f’ħajjitna? X’nagħmlu?
L-ewwelnett il-meditazzjoni hija stil ta’ ħajja. Xi kwalità ta’ ħajja rrid ngħix? Meta nagħmel dil-mistoqsija bilfors irrid nieqaf u nirrifletti. Hemm jibda mbagħad it-taħriġ meditattiv, li jgħinni nara ċar lili nnifsi u l-affarijiet hekk kif inhuma fihom infushom. Bil-mod il-mod nibda nagħmel prijoritajiet dwar x’inhu l-essenzjali, skont l-iskala tal-valuri li tiddetermina l-kwalità tal-ħajja li rrid ngħix. Imbagħad naturalment se nħoss il-ħtieġa li kuljum nitħarreġ.
Jekk induru lejn tradizzjonijiet orjentali mhux tajjeb? L-aqwa mhux li “nħossni aħjar”?
Il-problema hija li t-taħriġ meditattiv sar fenomenu tal-Punent. Fl-aħħar tas-Seklu Dsatax kien hemm dan l-istagħġib bil-Lvant Imbiegħed, li mbagħad żviluppa sew fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. Dan il-fenomenu ttieħed mill-kapitaliżmu u ġie mibjugħ bħala xi mediċina biex “inħossni aħjar” u allura dan it-taħriġ inqala’ mill-għeruq spiritwali Hindu u Buddista u ġie sekularizzat.
Id-differenza ewlenija bejn it-tradizzjoni Nisranija u dik tal-Lvant Imbiegħed, tinsab proprju fil-fidi f’Alla li jinsab fija u jiena fih. Il-meditazzjoni allura għalkemm tintuża bejn wieħed u ieħor l-istess teknika hemm sies li jibdel kollox: Alla fija u jiena fiH. Għaldaqstant, li noqgħod miegħi nnifsi fit-tradizzjoni Nisranija dan ifisser li noqgħod f’Alla. Dak li l-mistiċi Karmelitani (għax it-taħriġ li nipproponi huwa dak Karmelitan li għandu reżonanzi ma’ laqtiet tat-taħriġ fil-Lvant Imbiegħed) isejħulu “ħarsa kollha mħabba.”
Il-ktieb tiegħek, kif u fiex jista’ jgħinna f’dan kollu?
Il-ktieb huwa ġabra ta’ sensiela ta’ klassijiet ta’ meditazzjoni nisranija. Isegwi ktejjeb ieħor “Is-Sengħa tat-Talb. It-talb tal-ġabra mill-għejun tal-Karmelu”. Nissuġġerixxi li wieħed jaqra dak l-ewwel għax hu manwal iktar prattiku.
“Meta r-ruħ tintbill fid-deheb” huwa, biex ngħid hekk, ktieb li jagħti ħjiel tar-ruħ tal-meditazzjoni. L-ebda ktieb mhu se jgħallmek timmedita… oriġinarjament l-għalliema tal-meditazzjoni lin-novizzi kienu jibagħtuhom jitħarrġu mill-ewwel bla kliem u sliem. Għax il-meditazzjoni hija naturali għall-bniedem. Sempliċiment trid terġa’ tinduna b’din il-kapaċità fik u tħaddimha.