Hemm ħafna konfużjoni dwar x’inhi verament l-intimità. Hemm koppji li ilhom miżżewġin għal għexieren ta’ snin u minkejja li jħossuhom fiżikament qrib, ma jafux kif ikunu emozzjonalment intimi. Il-kelma intimità hija relatata ħafna mal-kelma vulnerabilità – ċioè r-riskju li wieħed jieħu biex ikun emozzjonalment għarwien quddiem persuna oħra.
Xi ħaġa li spiss ninnota huwa li t-terminu intimità spiss jiġi mħallat mas-sess. In-nies jistgħu jkunu sesswali mingħajr ma jkunu intimi? Normalment, diversi nies jaħsbu li li tkun intimu tfisser li taqsam informazzjoni personali jew tagħmel sess. L-intimità reali hija ferm aktar minn hekk; iġġiegħlna nħossuna kuntenti, imsaħħin, kompluti, ħajjin u aċċettati. Il-qrubija fiżika, is-sess, u li tkun romantiku huma importanti għal relazzjoni, iżda l-intimità emozzjonali tagħti lir-relazzjoni ħajja ġdida.
L-intimità tfisser kemm taf profondament lil persuna oħra kif ukoll tħossok magħruf sewwa minnha. Dan ma jseħħx f’konverżazzjoni f’bar jew waqt ġurnata sabiħa l-baħar jew saħansitra waqt is-sess. Dan ġeneralment ma jseħħx fl-ewwel ġimgħat u xhur ta’ relazzjoni ġdida. Ma tiżviluppax meta persuna tiddeċiedi li tagħti importanza lil relazzjoni aktar minn xi relazzjoni/ħbiberija oħra.
L-intimità, bħall-inbid fin, tieħu ż-żmien biex titjieb. Huwa meħtieġ ħidma konsistenti u paċenzja mill-individwi involuti. L-intimità tinvolvi kemm l-għarfien li dan huwa proċess li fih jistgħu jsiru diversi żbalji, kif ukoll il-bżonn li jkollna r-rieda li naħfru lil xulxin.
L-intimità vera teħtieġ awtentiċità li essenzjalment tfisser li tkun onest u trasparenti. Hija ħafna iżjed milli taqsam il-passat jew il-problemi tiegħek. Tfisser li taqsam l-emozzjonijiet tiegħek, dak li qed jiġri f’ħajtek bħalissa, u dak li qed tħoss lejn il-persuna l-oħra. Tajjeb niftakru li dan il-proċess huwa mgħejjun ħafna meta persuna jkollha stima bilanċjata tagħha nnifisha. Dan għaliex l-awtostima tgħinek tħossok sigur u sussegwentement tippermettilek li tkun ġenwin u awtentiku mingħajr biża’ li tiġi ġġudikat jew miċħud.
X’tinvolvi l-intimità?
Għarfien: Relazzjoni tassew intima tħalli liż-żewġ persuni fuq l-iktar livell profond ta’ għarfien dwar min huma verament bħala individwi. Wara li dawn iż-żewġ individwi jeżaminaw ir-ruħ ta’ xulxin, ikunu sabu diversi affarijiet li jivvalutaw u japprezzaw tant li dan l-apprezzament jiżboq id-differenzi inevitabbli li jeżistu bejn kwalunkwe żewġ individwi.
Aċċettazzjoni: L-ebda persuna ma tħoss il-bżonn li tbiddel il-persuna l-oħra b’modi radikali. Iva, bidliet minuri dejjem iseħħu meta n-nies ikunu qegħdin jidraw u jakkomodaw lil xulxin biex jgħixu flimkien. Iżda l-ebda membru tal-koppja ma jaħseb u jgħid: “Sewwa, biż-żmien se jirnexxili li nbiddlu/nbiddilha.”
Apprezzament tad-differenzi: It-tnejn jifhmu li m’għandhomx għalfejn ikunu l-istess biex iħossuhom viċin emozzjonalment. Fil-fatt, parti mill-pjaċir tar-relazzjonijiet hija l-iskoperta tad-differenzi u l-apprezzament tal-uniċità ta’ xulxin. Li koppja titgħallem iżjed dwar il-perspettivi ta’ xulxin huwa meqjus bħala opportunità biex jespandu d-dinja tagħhom. Sbieħ għax differenti!
Sigurtà: L-intimità vera sseħħ meta ż-żewġ persuni jħossuhom siguri biżżejjed biex ikunu vulnerabbli. Dan ifisser ukoll li jkun hemm appoġġ għan-nuqqasijiet ta’ xulxin u ċelebrazzjoni għall-preġji ta’ xulxin. Sigurtà tfisser ukoll li l-koppja tkun qablet dwar id-definizzjoni tal-kelma fedeltà u t-tnejn iħossuhom siguri li l-ieħor/l-oħra mhux se jikser dan il-ftehim.
Soluzzjoni tal-problemi kompatibbli: iż-żewġ persuni jaħdmu fuq il-problemi li jkollhom b’imħabba, b’kompassjoni u b’rieda li jsolvu flimkien kwalunkwe problema. L-ebda problema ma tinkines taħt it-tapit. It-tnejn jaħdmu bħala tim magħqud biex isolvu l-problema.