Ftit tal-ġimgħat ilu ċċelebrajna l-Għid il-Kbir u qablu l-erbgħin jum tar-Randan, bit-temi dominanti jkunu t-tbatija, il-passjoni u l-mewt, u r-rebħa permezz tal-qawmien mill-mewt.
Nibda billi nirrifletti dwar it-tbatijiet li l-familji novelli qed jirtu mill-familji tal-oriġini tagħhom. Nesperjenza familji li ma jitkellmux; oħrajn f’pika dwar min hu l-iktar setgħani u min hu l-aħjar; ma’ oħrajn f’pika dwar it-tfal; ma’ oħrajn li jżommu twemmin (reliġjuż, imma mhux biss) riġidu li jħallihom sikwit isofru sens ta’ ħtija għax ma għamlux tajjeb biżżejjed jew għax naqsu żżejjed; ma’ oħrajn li jġorru nkwiet tal-ġenituri u ta’ ħaddieħor, ansjetà, biża’, għira, dwejjaq kbar; u ma’ ħafna sitwazzjonijiet oħra. Kollha daqqiet fuq il-persuni; fuq il-familji. Kollha passjoni u mewt!
Ma’ dawn li b’xi mod jirnexxilhom jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra, jingħaqdu tbatijiet li jiġu fuq kulħadd: mard, xi telfa ta’ xi ħadd għażiż; inkwiet fuq ix-xogħol; problemi fir-relazzjonijiet, xi inċident, u sejrin. Kollha daqqiet fuq il-persuni; fuq il-familji. Kollha passjoni u mewt!
B’mod iktar fin u sottili, tbatijiet ikkaġunati mix-xenqa għall-flus li qed jikkorrompulna l-menti tagħna, tant li ħafna jispiċċaw mehdija f’tiftix għall-kuntentizza superfiċjali skont it-ton li tissettja l-midja soċjali. Insibu tbatijiet oħrajn kkaġunati minn inġustizzji soċjali; stress żejjed; inflazzjoni tiżdied; bini jiżdied u spazji miftuħa dejjem jitnaqqru; deċiżjonijiet eżekuttivi li jaġevolaw il-ftit u jinsew lill-ħafna; u iżjed. Kollha daqqiet fuq il-persuni; fuq il-familji. Kollha passjoni u mewt!
It-tama tnibbet il-bidla
Madankollu, kull esperjenza ta’ tbatija tista’ tkun għajn ta’ tama li minna tinbet il-bidla. Dan ma jfissirx li l-esperjenzi ta’ tbatija ma jimmarkawniex. Dawn huma parti min-narrattiva tal-qawmien, simbolu tal-fejqan u t-tiġdid li jieħdu post il-passjoni u l-mewt.
Għalhekk, irridu naġixxu biex nirbħu fuq dak li qed jikkaġuna t-tbatija fil-familji tagħna. Jeħtieġ li mmiddu l-pass biex:
- inħollu l-irbit tad-drawwiet ħżiena li writna;
- nevalwaw x’inhuma d-drawwiet tajbin li tgħallimna u nibqgħu nipprattikawhom;
- naċċettaw lilna nfusna kif ħana u lill-oħrajn kif inhuma, bl-abbiltajiet u bil-limitazzjonijiet kollha. Ma nippruvawx inkunu dak li m’aħniex u lanqas nagħġnu lil ħaddieħor kif jimmaġina moħħna jew kif jaqbel lilna;
- nagħrfu fejn niżbaljaw, u b’umiltà nilqgħu l-kritika u flok nirribattu b’arroganza nfittxu li nirrestawraw lilna nfusna u niġġeddu.
Meta kull persuna fil-familja tagħmel wisgħa għat-tama, tinbet il-bidla. Il-marki tal-passjoni u l-mewt jibqgħu jfakkruna f’kemm inkunu kbirna mill-esperjenzi li ġarrabna, u flimkien nikkontribwixxu għall-qawmien tal-familja – enerġija pożittiva u mġedda biex ngħixu maqgħudin illum u nħarsu lejn kif se niffaċċjaw il-jum ta’ għada.