knisja/mt/ritratti

IS-SEHEM TAL-ĠENITURI FIT-TĦEJJIJA GĦALL-EWWEL TQARBINA

|15?Mejju/Ġunju 2023

L-Ewwel Tqarbina hi okkażjoni speċjali għall-familji nsara. Tiltaqa’ ma’ ġenituri li jintroduċu lit-tfal bil-ferħ: “Se jagħmel il-Preċett” jew “Se tagħmel il-Preċett’. Iktar milli f’liema klassi qegħdin fl-iskola. Dan juri l-entużjażmu li jkun hemm meta tersaq id-data tal-Ewwel Tqarbina. Hi okkażjoni fuq kollox spiritwali u tarġa mportanti fil-ħajja ta’ ħbiberija bejn it-tfal u Ġesù.

Huma l-ġenituri, l-għalliema tal-iskola u l-katekisti tal-parroċċa li jfiehmu kif jistgħu lit-tfal xi jfisser li se jirċievu l-Ewwel Tqarbina. Din mhix ħaġa faċli għax mhux lakemm nifhmu xi jkun għaddej minn moħħ it-tfal. X’inhu Alla għat-tfal? Ġieli jistaqsu: “X’inhi l-gallettina bajda li l-qassis jagħti f’idejn in-nies u narahom jikluha?” “Għax lili ma jagħtinix ukoll?” “X’jiġifieri nqerru qabel l-Ewwel Tqarbina?”

Bir-raġun li l-ġenituri jikkonfondu kif se jispjegaw lit-tfal dak li għalina wkoll hu diffiċli: bħalma hi l-Ewkaristija- għax hu kollu misteru, għalissa moħbi għalina. Din titlob minna ħafna ħsieb biex ngħaddu l-fidi tagħna liż-żgħar mingħajr ma nagħtuhom ideat żbaljati li ’l quddiem idgħajfu l-fidi tagħhom.

Norbot ma’ dawn l-ideat żbaljati  żewġ rakkonti. Tifel mititlu oħtu u staqsa lil missieru għaliex. Dan wieġbu, “Ħadha miegħu Ġesù!” Missieru xtralu kelb żgħir, u meta mietlu, reġa’ staqsa għaliex. “Ħadu miegħu Ġesù!” reġgħet kienet it-tweġiba. Missieru xtralu kelb ieħor u t-tifel qal lil ħabibu: “Issa għandi kelb ieħor, imma tgħidlux lil Ġesù, għax inkella joħoduli!”

Rakkont ieħor ta’ tifel li tant iddispjaċieh li ma ħassx il-ferħ li semmewlu  nharEwwel Tqarbina bħala l-isbaħ jum ta’ ħajtu. Meta kiber irrakkonta li kien qagħad iħares minn bejn subajgħ biex jara x-xema’ ta’ fuq l-altar u jħoss xi ftit il-ferħ li qalulu. Għalxejn missieru qallu: “Ifraħ ftit,… illum festa kbira!”

Mela x’nistennew mit-tfal? Omm staqsiet lil binha: “Issa x’se tgħidlu lil Ġesù?” “Ngħidlu ‘Inħobbok’!” Kompliet tgħidlu “U x’iktar?”  Wegibbha “Xejn,… inti mhux biżżejjed għalik li nħares lejk u ngħidlek li nħobbok?” It-tifel hawn kien qiegħed jagħti tweġiba korretta. M’għandniex nippretendu żżejjed mit-tfal tagħna. Kienet tkun aħjar li kieku ommu qaltlu ‘Bravu’, għax wieġeb tajjeb.

Dawn juruna li l-aħjar ħaġa biex il-ġenituri jħejju lit-tfal hi li joħolqulhom ambjent fejn Alla jinħass. Tifel jew tifla jkunu mħejjija mhux għax huma intelliġenti u jafu biżżejjed dwar l-Ewkaristija. Tajjeb li jkunu jafu, imma l-aqwa hu li jemmnu ħafna. It-tfal iż-żgħar jemmnu aktar mill-kbar, tant li jekk qed jibnu kastell tar-ramel f’xatt il-baħar, għalihom dak hu kastell ta’ veru.

L-Ewwel Tqarbina tkun għat-tfal il-messaġġi li qed iwasslulhom il-ġenituri tagħhom u dawk ta’ madwarhom. Jekk il-familja se tagħti importanza lill-ilbies – li għandu jkun eleganti imma addattat għall-knisja – il-kwantità ta’ ritratti u videos, parties esaġerati u rigali bħal vaganza ta’ lussu, se nħallu fil-ġenb il-veru sens tal-Ewwel Tqarbina.

Iktar importanti li l-ġenituri jenfasizzaw it-tagħlim tal-katekiżmu li jingħata b’tant dedikazzjoni mid-djar tat-tagħlim u li jagħtu prijorità lill-katekiżmu fuq attivitajiet oħra li jaħbtu fl-istess ħin. Jaraw ukoll li ma jitilfux il-laqgħat għall-ġenituri li jkun fihom tagħlim importanti relatat mas-Sagramenti tal-Qrar u tal-Ewkaristija u dwar il-valuri tal-ħajja Nisranija. Mod prattiku hu li l-familja tgħaddi mill-mejda tal-ikel għal dik tal-altar. Għalhekk fil-jiem ta’ qabel l-Ewwel Tqarbina, meta l-familja tkun flimkien, insemmu li d-dvalja li nifirxu fuq il-mejda qed tfakkarna f’dik tal-altar u tal-Ewkaristija. Meta mbagħad l-omm jew il-missier jieħdu magħhom lit-tifel u lit-tifla fil-knisja juruhom l-altar fejn issir l-Ewkaristija. Huwa mod kif it-tfal iħarsu ‘l quddiem lejn l-Ewwel Tqarbina tagħhom

Scroll to Top
Send this to a friend