Bħal f’ħafna pajjiżi oħrajn, il-maġġoranza assoluta tan-negozji f’Malta huma żgħar, magħmulin minn bniedem waħdu self-employed sa madwar 30 impjegat, li l-maġġoranza tagħhom huma negozji tal-familja jew inkella fejn is-sidien huma kollha direttament involuti fit-tmexxija.
Dan it-tip ta’ negozju għandu karatteristiċi partikolari ħafna minħabba d-diffikultà sabiex dawk involuti jifirdu x-xogħol mill-ħajja privata. Ħafna minna, speċjalment dawk fin-negozju, inqattgħu aktar ħin fuq ix-xogħol milli d-dar, iżda meta x-xogħol u d-dar isiru ħaġa waħda jafu jinqalgħu ċerti sfidi. Jiena, li ġej minn esperjenza ta’ snin twal nassisti negozji żgħar, umilment insostni li parti kbira ħafna mis-suċċess ta’ negozju żgħir jiddependi mill-mod ta’ kif dawk involuti jġibu ruħhom ma’ xulxin.
Numru ta’ snin ilu nibtet fija x-xewqa li nistudja iktar fil-fond liema huma dawk l-ingredjenti wara s-suċċess ta’ negozji żgħar. Il-konklużjoni tiegħi hija illi l-formula tinvolvi ċerti valuri u mhux biss ħiliet. Dan għaliex, kif se nuri matul din is-sensiela ta’ kitbiet, ħafna mill-ħiliet neċessarji jistgħu jinstabu fuq is-suq, iżda jekk il-mexxejja tan-negozji ż-żgħar ma jħaddnux sett ta’ valuri ewlenin li jservu ta’ gwida għal kull deċiżjoni li jieħdu, in-negozju jbati sabiex jibqa’ b’saħħtu meta jiġi biex jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra.
Il-preżent huwa riżultat dirett ta’ deċiżjonijiet u ċirkustanzi passati, u dak li niddeċiedu llum se jkollu effett kbir fuq il-futur, tagħna u ta’ dawk li jiddependu minna.
Dawn il-valuri nistgħu niġbruhom fil-qosor f’erba’ ittri, illi koinċidentalment huma l-ittri li jiffurmaw il-kelma Ingliża LIFE.
Learning, tagħlim jew aħjar dik ir-rieda konxja li ma nieqfu qatt nitgħallmu;
Integrity (Integrità) li għandu jkun il-valur bażiku wara kull deċiżjoni li nieħdu;
Fairness, jew aħjar sens ta’ ġustizzja, u,
Effectiveness, li permezz tagħha niffukaw l-isforz tagħna fuq ħwejjeġ mhux biss ta’ urġenza iżda wkoll ta’ importanza.
L-ewwel żewġ valuri, ċioè Learning u Effectiveness huma valuri introverti li wieħed għandu jħaddan u jipprattika miegħu nnifsu biex dejjem jimmatura u jtejjeb il-kwalitajiet tiegħu. Iż-żewġ valuri l-oħrajn, Integrity u Fairness, huma valuri estroverti li jiggwidawna fir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn.
Aktar ‘il quddiem se nelaboraw fuq dawn il-valuri fejn ukoll nirreferu għal eżempji reali li minnhom nistgħu nieħdu spunt u nitgħallmu minn esperjenzi diretti ta’ nies li jkunu għaddew mill-istess sfidi li nistgħu niffaċċjaw fin-negozju.Jekk xi qarrejja jkunu jixtiequ jressqu mistoqsijiet jew jitolbu xi parir, jew li niktbu dwar xi temi relatati mal-qasam, jistgħu jibagħtu imejl fuq [email protected].