knisja.mt/ritratti

Naqqaxtek fuq il-pali ta’ jdejja

207 | Ġunju 2022

‘X’tgħid (u x’ma tgħidx) il-Bibbja dwar l-omosesswalità’

Nistgħu ngħidu li l-Bibbja ma tgħidx wisq, imma il-ftit siltiet li nsibu huma fil-qalba tad-dibattitu kurrenti reliġjuż dwar l-omosesswalità.

Il-ktieb Naqqaxtek fuq il-pali ta’ jdejja maħruġ minn Drachma Parents, li hi għaqda ta’ sapport għal ġenituri b’ulied LGBTI+, jistħarreġ b’mod profond u serju diversi siltiet u stejjer li nsibu fil-Bibbja dwar din il-materja.

Nistgħu ngħidu li l-kontributuri tal-ktieb interpretaw dawn is-siltiet b’mod aġġornat u mdawwal mill-avvanzi kbar li seħħew fil-bijoloġija, il-psikoloġija, is-soċjoloġija, il-ġenetika, kif ukoll l-istudji bibliċi. Wara kollox, kien hemm diversi drabi oħra meta l-Knisja kellha l-kuraġġ taġġorna l-interpretazzjoni tagħha bis-saħħa ta’ avvanzi fix-xjenza, dixxerniment u esperjenza. Il-problema qatt ma kienet il-Bibbja nnifisha imma l-interpretazzjoni tagħha.

Naqqaxtek fuq il-pali ta’ jdejja jappella lil kulħadd biex ma nibqgħux nikkundannaw jew inġebbdu l-interpretazzjoni tal-Bibbja biex inġibuha taqbel bilfors mal-prekunċetti tagħna. Fit-tiftix tagħna għall-verità għandu jkollna doża qawwija ta’ prudenza, umiltà u sinċerità. Il-Bibbja nnifisha kif ukoll il-persuni LGBTI+ ma jistħoqqilhom xejn inqas minn hekk.

Isem il-ktieb hu meħud mill-ktieb tal-Profeta Iżaija (Iż. 49:16) għax il-membri ta’ Drachma Parents jemmnu li dan hu l-kliem li Alla jgħid lil kull wieħed u waħda minna b’mod intimu u personali, għax Alla ma jagħmilx distinzjoni bejn razez jew orjentazzjonijiet sesswali differenti.

Il-ktieb għandu jkun ta’ interess għal persuni LGBTI+, il-ġenituri u l-qraba tagħhom, għalliema, counsellors, professjonisti oħra, saċerdoti u katekisti. Jinxtara mill-ħwienet ewlenin, Horizons (21441604) jew Drachma (99454581 | 79253875).

Scroll to Top
Send this to a friend