A History of Loneliness – John Boyne
“It was a mistake to wear my clerical clothes to the first day of Tom Cardle’s trial,” jisħaq Dun Odran Yates fil-bidu ta’ kapitlu erbatax tal-ktieb A History of Loneliness ta’ John Bonee (London: Doubleday 2014).
Qabel jagħmel din l-istqarrija, Yates kien qiegħed itella’ u jniżżel jekk jattendix għall-proċess ġudizzjarju li matulu Cardle, ħabib u kollega ta’ Yates, jittressaq quddiem qorti kriminali fuq akkużi ta’ abbużi sesswali ta’ minorenni fl-Irlanda. Dawn huma dilemmi tipiċi li Boyle jippreżenta tul il-ktieb kollu, anke għax Boyne juża lil Yates bħala metafora għall-Knisja Kattolika fl-Irlanda.
Odran Yates beda l-formazzjoni tiegħu f’Clonliffe Seminary, l-Irlanda, fl-1972, propju għaliex ommu nfurmatu li għandu sejħa għas-saċerdozju. Jibda l-proċess b’entużjażmu kbir, dedikat għall-istudji u lest biex jagħmel ħbieb ġodda.
Erbgħin sena wara, id-devozzjoni ta’ Yates titheżżeż mir-rivelazzjonijiet li kissru l-fiduċja tal-poplu Irlandiż fil-Knisja Kattolika. Minbarra li ra lil sħabu jittellgħu l-qorti u kollegi jiġu arrestati, ra wkoll il-ħajjiet ta’ tant tfal, adolexxenti u żgħażagħ f’diversi parroċċi meqruda, u hu nnifsu sar nervuż joħroġ ‘il barra fil-pubbliku b’biża’ li jkun hemm ħars li jikkundanna u battuti li jinsulentaw.
L-eżitazzjoni u l-mistħija, iċ-ċaħda u l-ħtija ta’ dawk li, bħal donnhom, iridu jaħbu minnhom infushom dak li huma stess ma jridux jaraw, huma sintomi ta’ protagonist li, għalkemm m’huwiex wieħed mill-akkużati, jgħaddi minn tliet deċenji ta’ saċerdozju jinjora l-imġiba, xi drabi aktar stramba minn drabi oħra, ta’ qassisin fi tfulitu u dawk li studja jew ħadem magħhom, inkluż l-akbar ħabib tiegħu.
Bejn twemmin għami u kuraġġ morali, l-akkużat m’huwiex biss min għamel il-ħażin imma wkoll min żamm is-skiet waqt li ħaddieħor għamel il-ħażin. A History of Loneliness ifakkar, b’mod traġiku għall-aħħar, fil-prezz għoli li jitħallas meta l-innoċenza tkun, fil-fatt, injoranza. It-twissija m’hijiex biss dwar dak li ġara, imma wkoll dwar dak li għad jista’ jiġri.
Id-drama, fit-toroq ta’ Dublin daqskemm fil-qalb ta’ Yates, tibqa’, essenzjalment, mistoqsija vokazzjonali. Hija storja kuraġġjuża daqskemm hija personali, imma hi storja fejn l-ispazju tal-misteru jsir kumdità li rari jiskomoda. Waqt li Yates huwa fil-biċċa l-kbira deskritt bħala passiv, maqtugħ mir-realtà u medjokri, dik mhijiex il-vokazzjoni, la tan-nisrani u lanqas tal-qassis.
Kif l-għasfur għandu bżonn il-bejta imma mhux maħluq biex jibqa’ fiha, u kif il-vapur ma jistax ma jidħolx fil-port sakemm jeħtieġlu li jerġa’ jsalpa, l-istess in-nisrani u l-qassis. Forsi Yates hu wisq iffukat fuqu nnifsu u wisq imbeżża’ mill-ħajja biex igħix il-fidi tiegħu bħala avventura ta’ ferħ aktar milli bħala ubbidjenza lejn sensiela ta’ regoli li, għalkemm segwa sal-punt, waħedha mhix biżżejjed u ħalliet lil Yates waħdu, aktar minn qatt qabel.
Min-naħa l-oħra – u propju fi stil tipikament nisrani – hu fil-punt meta Yates l-aktar li ħassu waħdu li b’xi mod induna li f’aħħar mill-aħħar mhux waħdu, u jista’ jipponta ’l quddiem lejn umiltà aktar ġenwina u onestà aktar determinata.
L-awtur John Boyne hu l-mistieden ewlieni tal-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb li se ssir bejn it-23 u s-27 ta’ Novembru.