Tama ġdida lil eluf fl-Etjopja

210 | Ottubru 2022

Il-Jum Dinji Missjunarju

Nhar il-Ħadd 23 t’Ottubru  l-Knisja Kattolika madwar id-dinja kollha se tiċċelebra l-Jum Dinji Missjunarju, u t-tema magħżula mill-Papa Franġisku hija: “Tkunu Xhieda Tiegħi” (Atti 1:18).   Dan il-Jum twaqqaf fl-1926 mill-Papa Piju XI bħala juma ta’ talb għall-missjonijiet. Aktar ‘il quddiem ix-xahar kollu ġie iddikjarat bħala x-Xahar Missjunarju.                           

Din is-sena l-Kattoliċi qed jiġu mistiedna jissieħbu mal-Knisja fl-Etjopja, sabiex nagħtu appoġġ u għajnuna, u nġibu t-tama lil ħafna familji fil-bżonn.

Kull sena l-ħidma missjunarja tiġi ikkordinata mill-Opri Missjunarji Pontifiċji, jew kif inhi magħrufa aħjar bħala il-Missio.  Sa mis-Sena 1922, 100 sena ilu, Il-Missio, kien u għadu l-organizzazzjoni li joffri l-appoġġ tal-Knisja Kattolika lill-missjonijiet barranin.

B’aktar minn 120 uffiċċju madwar id-dinja, il-Missio jgħin biex iwassal il-messaġġ ta’ Kristu u jagħti kura u appoġġ lill-knejjes li għadhom jibdew sakemm dawn ikunu kapaċi jieħdu ħsieb tagħhom infushom.

Il-Missio jiddependi fuq il-ġenerożità tal-Kattoliċi u jwettaq parti kruċjali fil-ġlieda kontra l-faqar, il-mard, l-inġustizzji u l-isfruttar.

Il-biedja sostenibbli hija l-mod ta’ ħajja għall-miljuni ta’ nies fl-Etjopja, iżda n-nixfa persistenti u ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel jirriżultaw f’ħafna nies li jesperjenzaw problemi ta’ saħħa minħabba nuqqas ta’ ikel nutrittiv. B’xorti ħażina, 70 fil-mija tal-familji fil-belt ta’ Emdibir m’għandhomx biżżejjed ikel xi jpoġġu fuq il-mejda.

Il-knisja u l-komunità f’Emdibir jafu li din is-sitwazzjoni mhux se tmur għall-aħjar mingħajr intervent, u għalhekk ikkollaboraw biex ifasslu ċ-Ċentru Deberety għat-Trobbija tal-Mogħoż, biex jilħaq familji fi bżonn immedjat. Aktar nutrittiv u affordabbli mill-ħalib tal-baqra, il-ħalib tal-mogħoż jista’ jgħin biex jipprovdi sors b’saħħtu ta’ ikel, li jista’ jsir ukoll f’ikel bażiku bħall-ġobon u l-butir.

Minbarra l-provista tal-familji fil-komunità, il-ħalib se jingħata lill-kliniċi tas-saħħa lokali għal programmi ta’ nutrizzjoni. Il-mira hi li hekk kif ir-razzett jikber, kull ħalib żejjed prodott jinbiegħ lil reġjuni oħra, u jilħaq ħafna aktar familji fil-bżonn. Bil-bini taċ-ċentru tat-trobbija tal-mogħoż, ilkoll nistgħu ngħinu biex inġib tama għal ħafna familji fil-bżonn, iżda dan jista’ jsir possibli biss bl-appoġġ tagħna.

Eluf ta’ nisa fl-Etjopja jħarsu barra minn art twelidhom biex ifittxu xogħol minħabba opportunitajiet limitati għal dawk mingħajr edukazzjoni jew taħriġ. Imma dak li ħafna jsibu, huwa ċiklu ta’ abbuż u sfruttament li diffiċli biex jaħarbuh. Wara li żaret familji fil-belt remota ta’ Meki, il-missjunarja lajka, Marija Jose Morales, rajt b’għajnejha din ir-realtà. Ispirata mill-istejjer tagħhom, hija fetħet iċ-Ċentru Kidist Mariam.

Imwaqqaf biex jipprovdi ambjent sigur ta’ appoġġ u edukattiv, iċ-ċentru ra kważi 3,000 mara jlestu korsijiet ta’ taħriġ u jibnu futur isbaħ għalihom infushom u għall-familji tagħhom. Iżda hemm ħafna aktar nisa li għandhom bżonn l-appoġġ u t-taħriġ.

Marija u l-għalliema tagħha fiċ-Ċentru Kidist Mariam jistrieħu fuq l-appoġġ tagħna biex ikomplu jagħtu lin-nisa l-opportunitajiet li jixirqilhom. Iċ-ċentru qed jipprovdi lin-nisa bl-opportunità li jiġu edukati u jsostnu dħul permezz tal-ħila tagħhom, billi joffri korsijiet li jinkludu: Preparazzjoni tal-Ikel, Ħjata u Kura tax-Xagħar. Barra minn hekk, jipprovdi wkoll spazju sigur fejn jieklu, jorqdu u jingħata l-kuraġġ minn nisa oħra.

Ħafna familji fil-bżonn fl-Etjopja qed jingħataw ċans ieħor grazzi għaċ-Ċentru Deberety għat-Trobbija tal-Mogħoż, għaċ-Ċentru Kidist Mariam u għal Missio li jgħin lil dawn iċ-ċentri bis-saħħa tad-donazzjonijiet u l-qlub ġeneruża tal-Maltin u l-Għawdxin.    

Scroll to Top
Send this to a friend