knisja.mt/ritratti

Skont il-fehma tal-Papa

216|Ġunju 2023

Meta nitkellem ma’ persuni “ordinarji” u nsaqsihom x’jaħsbu dwar il-kelma “sinodu” u x’jidhrilhom dwar il-fehma tal-Papa Franġsiku biex il-Knisja tkun waħda sinodali, ħafna drabi nibqa’ mingħajr tweġiba. Anzi, mhux l-ewwel darba li xi ħadd baqa’ ċċassat iħares lejja b’ħalqu miftuħ. “Din xi ħaġa li għandha x’taqsam mal-Kardinal Grech, hux hekk?” qalli wieħed. Oħra qaltli li semgħet lill-kappillan isemmi xi ħaġa, imma ma tiftakarx x’kienet.

Il-verità hija li minkejja li suppost li l-Knisja kollha qed tbaqbaq dwar din l-imbierka “sinodalità”, għall-maġġoranza assoluta tal-Poplu ta’ Alla, ma tfisser xejn.

B’nies “ordinarji” qed nifhem b’dawk li jmorru l-quddies kull nhar ta’ Ħadd, imma li la huma qassisin u sorijiet, u lanqas jiffurmaw parti minn xi grupp jew komunità  (għalkemm m’għandi l-ebda garanzija li dawn kollha jafu sewwa dak li l-Papa tant ilu jħambaq dwaru).

Riċenti ħareġ ktieb, Camminare Insieme (Nimxu Flimkien) li fih jiġbor id-diskorsi kollha li l-Papa Franġisku għamel f’dawn l-aħħar għaxar snin dwar is-sinodalità. Jekk tagħsar dak kollu li qed jgħid tista’ tiġbru f’dan: ilkoll kemm aħna, f’kull livell tal-Knsija – fil-parroċċi, fil-komunitajiet u l-gruppi, fil-familji, fis-servizzi kollha li toffri l-Knisja -irridu nippruvaw ninkludu lil kulħadd. Kull persuna tiswa u għalhekk kulħadd jista’ u għandu jagħti sehmu.

Il-qalba tas-sinodalità hija r-relazzjonijiet bejn l-imgħammdin kollha – flimkien irridu nisimgħu u nitkellmu ma’ xulxin biex nifhmu aħjar il-missjoni tal-Knisja. Mela min qed imexxi, sew l-Isqof jew il-Kappillan, is-superjur jew mexxej ta’ għaqda, il-ġenituri fil-familja, il-kordinaturi tal-kummissjonijet, iridu jisimgħu lil xulxlin u flimkien iwettqu l-missjoni afdata lilhom.

Ejjew nibdew billi naraw kif is-sinodalità tista’ tiġi mħaddma fil-Liturġija tal-Ħadd – il-mezz ewlieni li ħafna nies għandhom mal-Kelma ta’ Alla u mal-komunità tal-Knisja.

Aħna poplu tal-memorja, li kontinwament niftakru u nfakkru ħalli mbagħad inkunu nistgħu nxandru “l-għeġubijiet kbar ta’ Alla”.

Biex il-Liturġija tkun “sinodali” trid twassalna biex inħossuna parti minn komunità li qed tiltaqa’ mhux biss biex tisma’ (hear) quddiesa imma biex flimkien niċċelebraw l-identità tagħna ta’ wlied Alla u dixxipli ta’ Kristu u flimkien noffru t-tifħir u r-radd ta’ ħajr lill-Missier.

Is-sinodalità twassalna biex nifhmu li aħna lkoll ċelebranti tal-quddiesa. Il-Konċilju Vatikan II suppost biddel l-idea li mhuwiex il-presbiteru li qed jiċċelebra  għan-nom tal-imgħammdin, imma li aħna lkoll bħala wlied tal-istess Missier qed niċċelbraw flimkien il-kobor tat-tjubija ta’ Alla. Aħna lkoll ċelebranti.

Aħna li nattendu l-quddiesa m’aħniex konsumaturi tal-Ewkaristija, anonimi, imbegħdin minn xulxin.  Aħna mistiedna.  Kull wieħed minna miexi flimkien dlonk it-triq ta’ Emmaws, nisimgħu u nixtarru l-Kelma biex naslu biex naqsmu mill-istess Ħobża Mqaddsa.

Din il-fehma ma tistax tibqa’ sempliċiment kliem f’dokumenti li ftit li xejn jinqraw, imma tinbidel f’esperjenza li tbiddilna.

Biex is-sinodalità taqbad l-għeruq, il-Quddiesa tal-Ħadd trid issir esperjenza ta’ solidarjetà fejn kulħadd iħossu utli, jitqanqal biex jaqsam ħajtu mal-oħrajn u mhux biss “jirċievi” l-Ewkaristija u daqshekk.

Nitħeġġu għalhekk b’mod speċjali biex dawk li nieħdu sehem fi gruppi u movimenti, huma liema huma, naħdmu biex il-Liturġija tal-Ħadd  twassal għal Knisja tassew sinodali, illum qabel għada.

Scroll to Top
Send this to a friend