knisja.mt/ritratti

Problema bil-wisq aktar urġenti mis-Sinodu

|11 :Novembru 2022

Fil-fehma umli tiegħi, il-Knisja f’Malta u Għawdex tinsab fi kriżi katastrofika ta’ komunikazzjoni. Persważ li fil-Knisja bħalissa m’hemmx urġenza ikbar minn din.

Il-Knisja mhux qed jirnexxilha tikkomunika l-Vanġelu mal-maġġoranza tan-nies għaliex m’hijiex qed titkellem bil-lingwaġġ tagħhom.

Prova ċara twerżaq f’wiċċ il-Knisja huwa s-Sinodu innifsu. Ħadd ma jaf x’inhu s-Sinodu. Ħadd ma jaf x’jagħmel is-Sinodu. Ħadd ma jista’ jifhem konkretament u eżattament x’inhi l-mixja sinodali, x’irridu nagħmlu matulha u fejn trid twassalna.

Ħafna membri tal-kleru jittantaw jispjegawha kważi kull ġimgħa fl-omeliji, serraħ rasek, imma jispjegawha bħala kunċett astratt wisq li ma jikkomunika kważi ma’ ħadd, inkluż mal-lajċi impenjati. Jispejgawha b’mod li ma jirrelata miegħu ħadd. Wisq nibża’ li l-istess nies li jispjegaw il-mixja sinodali ħafna drabi lanqas huma stess ma jkunu għadhom fehmu eżattament x’inhi. U mhux tort tagħhom – imma għax anki l-komunikazzjoni interna fil-Knisja hija ħafna drabi ineffettiva.

Jiġifieri meta ngħid “ħadd ma jaf xi tfisser”, verament qed infisser li kważi ħadd ma jaf. Ma nkunx qed nesaġera wisq.

Naturalament, dejjem ikun hemm persentaġġ żgħir tal-fidili li jkunu qed jifhmu, biex inkun fair. Jien nikkalkula li huwa 1%. Wieħed minn kull mija. Il-Knisja kuntenta tikkomunika ma’ 1%? Għax bħalissa hija Knisja tal-1%.

Mhux talli mhux qed toħroġ mis-sagristija u titnitten bir-riħa tan-nagħaġ, imma talli daħlet aktar u aktar fil-kmamar ta’ ġewwa u qed taħdem biss fil-comfort zone, mal-erba’ li dejjem ikunu jduru madwarha.

U l-unika problema agħar minn din hija li l-Knisja (fil-parti l-kbira tagħha) tgħix u taħdem bil-preżunzjoni assurda li din il-problema tal-komunikazzjoni ma teżistix. U b’mod inkredibbilment stinat tibqa’ tippersisti f’metodi komunikattivi ineffettivi.

Din il-ħaġa ilni ngħidha s-snin. U daqstant ieħor ilni niġi injorat. U issa li pajjiżna jinsab fuq l-għatba tal-ewwel forma ta’ liġi li tippermetti (u forsi anke tinċentiva) l-abort, il-problema saret katastrofika u urġenti aktar minn qatt qabel. Is-siegħa tal-prova waslet u sabet lill-Knisja komunikattivament inadekwata, totalment mhux ippreparata.

Sabet lill-Knisja fil-kmamar ta’ ġewwa tas-sagristija, tippriedka bi kliem tqil u astratt li l-qassisin jieħdu pjaċir iżeffnuh fuq ilsienhom waqt l-omeliji imma li għan-nies għatxana li jgħixu ħajja tajba, ma jfisser xejn.

Nixtieq nittama, imma wisq nibża’ li hu tard wisq. U m’iniex qed nitkellem fuq l-abort biss.

Qabel ma nitkellmu fuq is-Sinodu, il-mixja sinodali u s-sinodalità, irridu l-ewwel u qabel kollox nifhmu li dan mhux lingwaġġ tan-nies. Irridu l-ewwel nifhmu kif se nwasslu l-Vanġelu lin-nies b’mod li jifhmuh huma, bil-kliem tagħhom, bl-esperjenzi konkreti tal-ħajja tagħhom.

Jekk in-nies mhux qed jifhmu x’aħna ngħidu, kif nippretenduhom li se jagħmlu l-mixja sinodali?

Scroll to Top
Send this to a friend