Jekk jien nisrani, x’qed nagħmel?

212 |Jannar 2023

Qrajt b’interess l-artikli ta’ Mark Laurence Zammit u Maria Borg Pellicano, ippubblikati fil-ħarġa ta’ Novembru ta’ Il-Flimkien. It-tnejn iqajmu punti validissimi dwar l-importanza li l-Knisja tkun eqreb tan-nies u tagħmel aktar biex twassal lil Kristu lil dawk ukoll li ma jħossux li jappartjenu għall-Knisja.

Iżda r-riflessjonijiet li tqanqlu fija kienu l-aktar relatati mat-tema tar-responsabbiltà. Ta’ min hi r-responsabbiltà li Kristu jasal għand min qed ibati u qiegħed fil-periferija? Nemmen li l-problema li ninsabu fiha hi aktar profonda u kumplessa minn ‘kriżi katastrofika ta’ komunikazzzjoni’ min-naħa tal-Knisja.

Wisq nibża’ li l-maġġoranza tagħna fhimnieh sew il-messaġġ tal-Evanġelju. Fhimna tajjeb li jirrikjedi impenn u stil ta’ ħajja illi mhux dejjem konsistenti ma’ dak li timbotta il-kultura sekulari, konsumerista u liberali li qed tirrenja b’saħħa. U għalhekk ftit ftit qed nirriġettawh. Mark semma l-kwistjoni tal-abort. Il-poplu Malti jaf x’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja dwaru, u nazzarda ngħid illi ħafna din mhux qed tinżlilhom tajjeb. Allura x’qed nistennew mill-Knisja? Ma jkunx aħjar li aħna naraw x’qed jiġri ġo fina biex lesti nikkompromettu l-valur tal-ħajja?

Jien tal-fehma li waħda mir-raġunijiet li l-Knisja qegħda fi kriżi hi għax dak li tippriedka mhux dejjem hu kongruenti ma’ dak li s-soċjetà lesta tisma’. Faċli nintebħu li s-soċjetà qegħda fi kriżi ħafna akbar minn dik tal-Knisja. Dan għax warrabna l-valuri umani li jimbotta Kristu u minflok ġrejna wara dak li jlellex u fit-triq insejna lil dawk l-aktar vulnerabbli, u nħossuna komdi wkoll ngħidu li dawn baqgħu lura għax huma għażżenin, għax jistennew il-bajtra taqa’ f’ħalqhom. Fit-triq insejna lil min hu bla leħen bħal ma hi t-tarbija fil-ġuf.

F’dan il-kuntest il-qassis jista’ joħroġ mis-sagristija armat sa snienu biex iwassal lil Kristu imma ftit se jkun jista’ jagħmel, għax il-qafas li jwieżnu dgħajjifnih – aħna li nvoluti fit-tmexxija ta’ istituzzjonijiet, li aħna responsabbli mill-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ, aħna l-ġenituri – aħna li mbuttajna valuri ġodda li mhumiex kongruenti ma’ Kristu u bdejna nagħmlu l-kompromessi miegħu. U b’hekk ħaffirna l-ħofra tal-irrelevanza għall-Knisja. Issa li qed nintebħu li dawn il-valuri l-ġodda li suppost ġabu aktar flessibilità u aktar libertà individwali, wasslu għal aktar iżolament, individwaliżmu u aktar tbatija, issa qed nitolbu l-Knisja tagħmel aktar!

Kristu jippreżentalna sfidi. Il-Knisja trid twassal ukoll dawn l-isfidi. Aħna lesti nilqgħuhom? Għax li nilqgħu lil Kristu jfisser li rridu nxammru l-kmiem. Li nilqa’ lil Kristu jfisser li xi drabi nitqies bla raġuni għad-dinja. Lesta nieħu dan it-timbru? Jew niddarras? Lesta lil uliedi nagħmilhielhom ċara li f’ħajjithom huma l-valuri tal-Evanġelju illi dejjem għandhom jieħdu priorità anki meta huma se jbatu u ma jkunux popolari? Meta t-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet tkun ‘iva’ bla tlaqliq u kompromessi, meta l-messaġġ ta’ Kristu naċċettah sħiħ u mhux bil-biċċiet, imbagħad inħossni libera li nipponta subgħajja lejn il-kleru u nwaddab ir-responsabbiltà fuqu. U dan nagħmlu għax jien ukoll nkun qed nikkontribwixxi bis-serjetà biex il-qafas li jwieżen lill-qassis biex jaħdem aktar, inkun qed nagħti sehemi biex jerġa’ jibda jinbena, bil-mod il-mod, ġebla fuq ġebla.

Scroll to Top
Send this to a friend