Il-Knisja kemm qed tisma’ lill-persuni tagħha u lis-soċjetà, u tagħraf il-bżonnijiet tan-nies?
Għalija s-Sinodu jfisser komunjoni, fejn il-Knisja u dawk li jagħmlu parti minnha lkoll jimxu mixja li qed jiġu msejħa jagħmlu flimkien. Kif jispjega l-Papa Franġisku, dan hu proċess li fih tissaħħaħ l-għaqda, il-parteċipazzjoni u s-sens ta’ missjoni fil-Knisja. Nifhem u nemmen li l-Knisja qed tipprova toħloq inizjattivi biex kulħadd ikun jista’ jwassal leħnu bħala parti minn din il-mixja.
Jiena persuna żagħżugħa li għal dawn l-aħħar snin ħdimt fi ħdan il-Knisja f’oqsma differenti. Għalhekk, għalija l-Knisja m’hijiex xi ħaġa barranija jew xi kunċett astratt. Il-Knisja hija għalhekk esperjenza li qed ngħixha kuljum fix-xogħol tiegħi. B’hekk jien nista’ nagħti perspettiva ħajja tal-Knisja – kif qed nesperjenzaha fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum, mal-persuni li niltaqa’ magħhom. Fl-istess ħin, l-istess xogħol, kemm dak professjonali kif ukoll fil-volontarjat, ilaqqagħni ma’ nies differenti li l-Knisja ma jafuhiex, ma jagħrfuhiex, ma jifhmuhiex.
U hawn nistaqsi – x’inhu jiġri? Il-Knisja nafha bħala istituzzjoni li fiha kull individwu jagħti u jirċievi l-imħabba. Hekk nitgħallmu, li Alla hu imħabba u l-Knisja hi l-Ġisem Ħaj ta’ Kristu. Hi s-sejħa tagħna kollha kemm aħna. Kif kien jgħid San Ġorġ Preċa, Kristu jrid ikun magħruf u maħbub. Min-naħa l-oħra niltaqgħu ma’ bosta ndividwi li lil dan Kristu jista’ ikun semgħu bih iżda ma jafuhx, żgur mhux personalment.
Din is-sejħa ġġib magħha impenn u konvinzjoni. U għalhekk nitnikket meta nara persuni li huma bil-għatx għall-imħabba u għal xi raġuni għadhom ma qatgħux dan l-għatx mill-ilma li joffri Ġesù permezz ta’ kull wieħed u waħda minna fil-Knisja.
Qed nirreferi għal nies li huma maqtugħin mis-soċjetà minħabba faqar soċjali, u jippruvaw isibu sostenn fil-Knisja. Iżda qed nirreferi wkoll għal dawk li għal raġunijiet varji jħossuhom m’humiex milqugħin fil-Knisja. Hi ta’ weġgħa kbira meta tiltaqa’ ma’ nies li jħossuhom feruti bl-attitudni u mġieba diskiminatorja minn uħud minna li nagħmlu parti minn din il-Knisja.
Jien stess inweġġa’ meta nara li xi drabi l-attitudni tagħna ma’ dawk “ta’ ġewwa” m’hijiex l-istess attitudni ma’ dawk li qegħdin fil-periferija. Bħalma Kristu fuq is-salib għolla leħnu bil-ħniena li għandu l-għatx, dawn in-nies, li suppost naraw fihom lil Kristu, qegħdin jgħajtu b’karba kbira li għandhom l-għatx għall-imħabba.
Inħoss li hemm sitwazzjonijiet jew ċirkustanzi fejn għadna m’għerfajniex ir-responsabbiltà tagħna li ninkludu lil kulħadd, u noħorġu biex nilqgħu lil dawk li mhux se niltaqgħu magħhom fuq il-bank tal-Knisja. Nixtieq Knisja li bħal Kristu, tinża’ l-mantar u tilbes il-fardal!
Ma nistax ma nsemmix is-servizzi tajbin li l-Knisja qed tagħti lil dawk li huma possibilment mwarrbin mis-soċjetà – nies li ġejjin b’bagalji tqal u stejjer iebsa differenti. Imma nixtieq nara aktar Knisja fejn mhux biss tiftaħ idejha għal dawk in-nies li dejjem sabu bibien magħluqa, iżda li dawn jaslu biex jidħlu ġewwa, u huma wkoll iħossuhom “ta’ ġewwa”.
Biex dan ikun possibli, irridu Knisja li toħroġ mis-sagristija u tieħu fuqha r-riħa tan-nagħaġ li qatt ma kienu fil-maqjel sigur tagħha. Irridu Knisja li tagħmel ħilitha biex tkun aċċessibbli minn kull persuna li tixtieq tingħaqad fil-komunità, anki jekk għadha ma fehmitx eżatt min hi din il-Knisja u s’issa għadha mhux beħsiebha tkun parti minnha. Irridu Knisja li filwaqt li tkompli turi l-imħabba kbira tagħha b’mod l-iktar wiesgħa, tħalli lil kull persuna tieħu sehem attiv biex din ukoll tkun sors ta’ mħabba għal persuni oħra.
Nemmen li b’dan l-mod, kull persuna fil-komunità jkollha l-istess opportunità biex tgħix u taqsam l-imħabba fil-milja kollha tagħha billi twettaq fil-prattika dak li stedinna nagħmlu Ġesù, “ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 13,34)