Il-pazjenti Maltin f’Londra: “M’intomx weħidkom”

209 | Settembru 2022

Mhux anqas minn 50 pazjent Malti fix-xahar jitilgħu għall-kura fl-Ingilterra. Tagħrif miksub minn Il-Flimkien juri li terz minn dawn ikunu tfal taħt it-18-il sena.  Il-pandemija tal-Covid kellha impatt kbir fuq dan is-servizz mogħti mill-Gvern Malti lil dawk li jkunu jeħtiġilhom operazzjonijiet li ma jistgħux isiru Malta. Kien hemm żmien li dan kellu jieqaf għajr għal każijiet tassew urgenti. Issa n-numru ta’ pazjenti reġa’ ġie kważi għan-normal.

Fost il-pazjenti hemm dawk li jdumu biss ftit ġranet jew ġimgħat waqt li oħrajn idumu x-xhur, l-iżjed dawk li jagħmlu xi forma ta’ trapjant. Dawn huma

l-iżjed pazjenti bil-kanċer, oħrajn bi bżonn ta’ operazzjonijiet delikati fl-għajnejn, u oħrajn li jeħtieġu operazzjonijiet speċjalizzati fil-qalb, fir-ras, fid-dahar u fl-għadam.

Ibbażati f’Waterloo fiċ-ċentru ta’ Londra, żewġ Patrijiet Konventwali Maltin, Patri Mario Sant u Patri Joseph Formosa, kuljum iżuru l-pazjenti biex jgħinuhom fil-bżonnijiet prattiċi, umani u spiritwali tagħhom.

Skont Patri Joseph, meta inti tmur f’pajjiż ieħor minħabba mard, ħafna drabi jkollok titlaq kollox – ix-xogħol, darek, saħanistra lill-familja tiegħek. Tibda tinkwieta mhux biss dwar saħħtek imma wkoll kif se tkampa f’belt daqshekk kbira.

L-Istat Malti jipprovdi diversi għajnuniet fosthom it-trasport mid-dar fejn joqogħdu l-pazjenti għall-isptarijiet u lura. Il-biċċa l-kbira minnhom joqogħdu mas-sorijiet Franġiskani jew Agostinjani Maltin, inkella fl-appartamenti ta’ Puttinu Cares, f’Sutton.

“L-għan tagħna hu li nkunu ta’ sostenn morali u spiritwali. Aħna rridu nkunu dejjem qrib ma’ min qed ibati.  Biex nagħtik eżempju: Kien hemm koppja b’tarbija ċkejkna li telgħet b’air ambulance. Waslu direttament l-isptar tard filgħaxija u minkejja l-preparamenti kollha ma kinux jafu x’se jaqbdu jagħmlu. Inzertajt kont għadni l-isptar u stajt nassigurahom li se jsibu l-appoġġ kontinwu tagħna. B’dik l-assigruazzjoni sempliċi stajt nara wiċċhom jinbidel!”

Fr Joseph kompla jgħid li ħafna pazjenti jkollhom mistoqsijiet dwar il-fidi, u dwar x’sens tagħmel it-tbatija. “Għax ħajjithom tkun inbidlet mil-lejl għan-nhar. Imma aħna nkunu hemm magħhom. Xi drabi mingħajr kliem, imma permezz ta’ tgħanniqa u tbissima, kapaċi jsibu s-serħan tagħhom.”

“Napprezza immens nara l-imħabba kbira li l-ġenituri għandhom lejn uliedhom morda. Dawn jagħmlu sagrifiċċji kbar. L-istennija. L-intoppi li jistgħu jinqalgħu.  Il-kumplikazzjonijiet. Qalbek dejjem ittaqtaq.  U allura l-preżenza tagħna tagħmel differenza.”

Fr Joseph hu tal-fehma li l-akbar preokkupazzjoni tal-pazjenti hija li jħossuhom weħidhom. “Imma li tkun taf li hemm xi ħadd li qed jaqsam it-tbatija miegħek, li persuna żżommlok idek jew tnewwillek tazza ilma, ħafna drabi jkun biżżejjed!”

“Kull pazjent għandu storja li timpressjonak. Ma nistax ninsa mara li kienet għaddejja minn tbatija atroċi kontinwa għal diversi xhur. Imma kienet tieħu r-ruħ x’ħin immorru aħna bl-Ewkaristija. Kienet taf li waslet fl-aħħar, madankollu fuq wiċċha kellha serenità tant kbira li ma nista’ ninsieha qatt.”

“Jolqtuni immens il-ġenituri ta’ tfal li jibqgħu hemm sigħat twal għal ġimgħat sħaħ l-isptar m’uliedhom. Jagħmlu litteralment kollox għalihom. Għalija jsiru Ewkaristija ħajja!”

Minkejja t-tbatija kollha, skont Fr Joseph, aħna l-Maltin kapaċi noħolqu sens komunitarju sabiħ. “Dan narah l-aktar meta f’Sutton nhar ta’ Ħadd nagħmlu l-quddiesa flimkien. Jinħoloq ambjent soċjali sabiħ li jiżra’ tama qawwija fost il-pazjenti u l-familjari tagħhom.”

Scroll to Top
Send this to a friend