“Il-Knisja Maltija trid tkompli tibgħat aktar missjunarji”

210 | Settembru 2022

FR STEPHEN MAGRO: MISSJUNARJU MALTI F’KUBA

Mhux anqas minn 11-il Isqof u madwar 60 qassis iwettqu l-ħidma saċerdotali tagħhom f’pajjiżi oħrajn, ħafna minnhom f’artijiet tat-tielet dinja. Dan minbarra madwar 30 saċerdot Għawdxi u numru ferm akbar ta’ reliġjużi, irġiel u nisa Maltin. Tista’ tgħid m’hawn l-ebda pajjiż li ma ssibx saċerdot, patri, soru jew saħanistra lajċi missjunarji Maltin.

Aktar kmieni din is-sena, Fr Stephen Magro minn Ħaż-Żabbar ħalla Malta biex imur missjunarju f’Kuba. Fr Stephen ilu jqaddes 11-il sena. Bħala saċerdot beda fil-parroċċa tal-Birgu u wara sena sar chaplain tal-iskola tas-Seminarju. Tul dan iż-żmien fis-Seminarju kien ukoll għal xi snin jieħu ħsieb żgħażagħ li jkunu qed jitħejjew biex jibdew is-Seminarju.

Mistoqsi x’ħajru jmur Kuba, Fr Stephen qal li bħala seminarista kien mar hemmhekk f’dik li hija magħrufa bħala “s-sena barra” , jiġifieri żmien fejn is-seminaristi jieqfu jistudjaw u jmorru jagħmlu perjodu jaħdmu lokalment jew barra minn Malta. 

“Dak iż-żmien kelli esperjenza ta’ ħames xhur ma’ Dun Pawl Buttigieg, saċerdot li għamel żmien twil hawnhekk, kif ukoll ma’ Fr Philip Cutajar, Kapuċċin. Qiegħed eżattament fid-djoċesi ta’ Santa Klara, li tinsab madwar tliet sigħat bogħod minn Havana, il-belt kapitali ta’ Kuba. Erġajt ġejt lura llum bħala qassis għax diġà fl-esperjenza tiegħi, kont ġejt konxju tan-nuqqas tas-saċerdoti f’Kuba u l-bżonn tagħhom hemmhekk. Bħas-saċerdozju, li wieħed ikun missjunarju hija wkoll sejħa li jagħmlilna l-Mulej sabiex ningħataw lil oħrajn f’pajjiżi oħrajn, fejn hemm iżjed bżonn ta’ saċerdoti.”

Kuba ilha mmexxija minn gvern komunista għal dawn l-aħħar 60 sena. Is-sitwazzjoni tal-pajjiż bħalissa m’hijiex wisq tajba, b’ħafna Kubani, l-iżjed żgħażagħ, jemigraw lejn pajjiżi oħrajn, l-iżjed l-Amerika, li hija tant viċin.  Fr Stephen qal li l-Knisja batiet ħafna speċjalment fil-bidu tal-Komuniżmu minħabba li l-gvern ippromwova stat ateu.

“Illum il-Knisja hija limitata li taħdem fil-knejjes tagħha u għad ma għandhiex skejjel u lanqas istituzzjonijiet oħrajn bħal djar għat-tfal li kellha qabel il-bidu tal-gvern komunista. Fl-istess ħin, issa ltqajt ma’ diversi nies b’fidi qawwija f’Alla u mimlijin ħeġġa li jwasslu lil Alla lill-oħrajn.”

Fr Stephen issa qiegħed kappillan f’parroċċa li l-knisja parrokkjali tagħha hija santwarju ddedikat lill-Virgen de la Caridad, il-patruna ta’ Kuba. Waħda mill-ikbar sfidi li qed jiltaqa’ magħhom hi li quddiem in-nuqqas ta’ tama  ta’ ħafna nies, ma jsibx wisq kliem x’jista’ jwieġeb. “Personalment inħossni kuntent ħafna li l-Mulej sejjaħli biex niġi hawn, fil-Knisja f’Kuba, però naturalment nimmissja wkoll il-familja u l-ħbieb li ħallejt warajja f’Malta.”

Meta ntalab jikkummenta dwar kif in-nies iħarsu lejn qassis “barrani”, Fr Stephen qal li “hawnhekk hawn diversi missjunarji u l-poplu, speċjalment il-komunità żgħira nisranija, tapprezza ħafna li saċerdoti u reliġjużi jħallu pajjiżhom biex joffru sapport lill-insara u lin-nies f’Kuba. Barra s-sostenn uman u spiritwali, il-missjunarji jagħtu wkoll lill-Kubani ħafna appoġġ materjali u wkoll fil-qasam tas-saħħa, bħal mediċini.

Meta nħarsu lejn il-Knisja f’Malta, in-numru tas-saċerdoti, speċjalment żgħar, dejjem qed jonqos, għaliex wieħed għandu jħoss li xorta waħda l-Knisja Maltija għandha tibqa’ “missjunarja” fis-sens li tibgħat saċerdoti tagħha f’artijiet oħrajn?

Skont Fr Stephen, meta wieħed iqabbel in-numru ta’ saċerdoti u reliġjużi li għandna f’Malta ma’ dak ta’ pajjiżi oħrajn bħalma hija Kuba, wieħed jinduna mill-ewwel li hawnhekk il-bżonn huwa ħafna ikbar. Iżjed minn hekk huwa pożittiv, li bħalma għamlet tul ħafna snin, il-Knisja f’Malta tibqa’ ssostni pajjiżi oħrajn, l-iżjed billi taqsam magħhom il-fidi li ngħixu aħna f’pajjiżna. B’dan il-mod, il-Knisja f’Malta tkun qed tkompli tikber fl-għajxien tal-fidi tagħha!

Scroll to Top
Send this to a friend