“Ġejt Malta mhux biss biex naħdem imma biex inkun nista’ nipprattika l-fidi Kattolika mingħajr xkiel.” Hekk stqarr miegħi Kashif Bhatti meta ltqajna fid-dar tiegħu li jgħix fiha flimkien ma’ martu Naz u ibnu Moses, oħtu u r-raġel tagħha u ż-żewġt itfal tagħhom.
Kashif ilu joqgħod u jaħdem Malta bħala infermier għal kważi seba’ snin. “Kont smajt li f’Malta hawn ħtieġa kbira ta’ infermiera. Mal-ewwel tħajjart għax kont naf ukoll li Malta hija pajjiż nisrani u ‘l quddiem il-familja tiegħi mhux se jkollha xkiel biex tgħix il-fidi nisranija bħalma kelli jien meta kont iżgħar.
Is-sena l-oħra Kashif u martu kellhom l-ewwel tarbija tagħhom u għammduh fil-Knisja Parrokjali tas-Siġġiewi fejn joqogħdu. “Sa mill-bidu li ġejna Malta bdejna mmorru fil-knisja parrokkjali fejn noqogħdu. Għalkemm ma nifhmux bil-Malti, inħossu bżonn kbir li nieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Dan għax xorta waħda nifhmu u nħossu dak li qed niċċelebraw.”
Huwa kompla jgħid li fil-Pakistan l-Kattoliċi huma minoranza żgħira. “F’ċerti postijiet speċjalment dawk rurali ma huwa faċli xejn li tkun nisrani. Mhux biss biex tmur il-knisja, imma wkoll biex issib impjieg kif tixtieq, propju għax int nisrani. Jew tkun fuq il-post tax-xogħol u għax jafu li inti nisrani jagħżlu li ma jikkoperawx miegħek, iwarrbuk, u lanqas biss jieklu miegħek fuq l-istess mejda.
“U mhux l-ewwel darba li jkun hemm saħansitra vjolenza fiżika. Il-mentalità li l-Insara huma differenti hija qawwija ħafna. Bħalna jħarsu wkoll lejn l-Induisti li għandhom problemi aktar minna. Jekk tfajla Musulumana tibda toħroġ ma’ ġuvni nisrani, allura jinħolqu diffikultajiet kbar immens. Għadha mhux aċċettata! Il-konsegwenzi jistgħu ikunu koroh, saħanistra kapaċi jispiċċaw maqtulin it-tnejn li huma.
“Aħna kbirna f’villaġġ żgħir l-uniku wieħed nisrani f’medda kbira ta’ art. Missieri huwa l-katekist. Minħabba n-nuqqas ta’ saċerdoti, il-qassis jiġi biss darba fix-xahar. Missieri għadu jlaqqa’ n-nies kull nhar ta’ Ħadd, jgħallem u jagħmel dak kollu li hemm bżonn ħlief iqaddes u jqarar!”
F’Malta Kashif iħossu kuntent li jista’ jipprattikaha l-fidi tiegħu fil-miftuħ. “Ħadd ma joqgħod jistaqsik dwar dak li temmen.
“Aħna mmorru l-Knisja għax nemmnu li ma tistax tikber fil-fidi tiegħek f’Alla jekk ma tingħaqadx ma’ nsara oħrajn, anki jekk mhux dejjem qed tifhem kollox.
“Għalina l-aktar ħaġa importanti hija li nirċievu l-ġisem u d-demm ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. Inħossuna wkoll milqugħin ħafna fil-parroċċa fejn immorru.”
Xarif jagħraf id-differenzi kulturali kif f’Malta niċċelebraw il-fidi tagħna. “Per eżempju, aħna lanqas biss noħolmu nagħmlu l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira jew tal-Għid Imqaddes. Imma l-bażi tal-fidi Kattolika tagħna hija l-istess, kemm jekk jien qiegħed Malta jew x’imkien ieħor, kif ukoll jekk qiegħed il-Pakistan.
“Bħala familja nħossu l-bżonn li nitolbu flimkien speċjalment ir-Rużarju kuljum. Għalina nhar ta’ Ħamis filgħaxija hija speċjali għax fiha nfakkru t-twaqqif tal-Ewkaristija u l-aħħar lejl ta’ Ġesù fl-Ort. Iż-żewġ familji ninġarbu flimkien id-dar u nagħmlu dik li tissejjaħ l-Ora Santa, siegħa mqaddsa ta’ talb flimkien.
“Għall-ewwel li ġejt Malta bqajt impressjonat kif hawn min jgħidlek li fiż-żmien ir-Randan is-sawma tagħhom tkun li ma jieklux ħelu. Aħna bqajna li matul ir-Randan nippruvaw nieklu ikla waħda u nixorbu biss filgħaxija għal erbgħin jum sħaħ.”
Kashif temm jgħid li dan huwa sagrifiċċju bil-wisq iżgħar mill-isfidi li l-insara fil-Pakistan ikollhom iħabbtu wiċċhom magħhom biex jipprattikaw il-fidi nisranija.