Esperjenza differenti għas-sajf li ġej…Lest għall-isfida?

Is-sajf li għadda jiena flimkien ma’ 8 żgħażagħ oħrajn għamilna mixja ta’ 200Km mill-Portugal sal-Katidral ta’ Santiago fi Spanja. Kull ġurnata, għal disat ijiem, konna nerħulha kmieni filgħodu, b’dak kollu li ġibna minn Malta wara dahrna u dejjem aktar navvanzaw lejn id-destinazzjoni tagħna.

Kull filgħodu konna nibdew b’mument ta’ talb u riflessjoni. Wara li nkunu għamilna xi tliet sigħat mixi, nieqfu nieħdu xi ħaġa flimkien. Konna nimxu madwar 20/30Km kuljum għar-raħal li jmiss li fih konna norqdu lejl biex l-għada nerġgħu nqumu u nkomplu l-mixja tagħna.

Matul il-mixja tagħna ltqajna ma’ diversi pellegrini oħra, kollha mexjin lejn l-istess destinazzjoni pero kollha kemm huma jġorru l-basket ta’ esperjenzi u ħsibijiet tagħhom. Tkellimna ma’ diversi pellegrini minn pajjiżi differenti, kulħadd ikun qiegħed jagħmel din il-mixja għal skop partikolari. Stajna napprezzaw ħafna l-baħar, il-foresti, u l-muntanji, imma fuq kollox apprezzajna wkoll l-imħabba u r-rispett li l-pellegrini juru lil xulxin u lejn in-natura.

Wara disat ijiem mixi wasalna fil-Katidral ta’ Santiago, pero’ meta nitkelmu bejnietna fuq din l-esperjenza ma nsemmux biss lil Santiago imma aktar qed insemmu dak li ltqajna miegħu fi triqitna lejn dik id-destinazzjoni. Dan għinna nifhmu iktar li l-mixja hija importanti daqs id-destinazzjoni u allura kull ġurnata tal-ħajja tagħna hija barka u opportunità ġdida.

Mela ejja napprezzaw kull mument ta’ ħajjitna, ejja napprezzaw lil xulxin (anke dawk li mhux qrib tagħna), ejja nkunu ta’ għajnuna għal xulxin sabiex pass wara pass kulħadd jasal fid-destinazzjoni tal-mixja tiegħu!

Min jixtieq iktar informazzjoni fuq il-Camino de Santiago, jista’ jibgħat messaġġ fuq il-facebook Page Augustinian Youths jew jibgħat email lil Fr Terence Spiteri osa fuq [email protected] jew iċempel fuq 99844628.

Scroll to Top
Send this to a friend