Dun Frans – is-saċerdot li għex ħajtu għall-Vanġelu

215| MEJJU/ĠUNJU 2023

Monsinjur Dun Frans Schembri, anke jekk kulħadd f’Birżebbuġa kien jafu bħala Dun Frans, miet fl-età ta’ 98 sena, ftit ġimgħat ‘il bogħod mid-99 sena. Baqa’ għaddej sal-aħħar. Għalkemm l-iktar saċerdot anzjan ta’ pajjiżna, baqa’ jaħsibha ta’ żagħżugħ sal-aħħar.

L-aħħar snin ta’ ħajtu għaddihom fid-Dar tal-Kleru f’Birkirkara, iżda meta l-kappillan kien jistiednu għal xi attività arah dlonk jara min irid iqerr. Jitkellem ma’ kulħadd. Kuntent u ferħan li kien ikun fost il-parruċċani.

Tul ħajtu Dun Frans ipprova jkun dejjem ta’ servizz. Kien jgħin lill-fqar u ‘l-batuti b’dak kollu li pajjiżna kien jirċievi mill-Catholic Relief Services (CRS) tal-Istati Uniti tal-Amerika. Kien iservi wkoll fis-Segretarija tan-Nunzjatura Appostolika f’Malta fejn kien iżomm lin-Nunzju, li kien residenti f’Ruma, infurmat b’dak kollu li kien ikun qed iseħħ.

Fis-seminarju, wara li sar saċerdot, Dun Frans ikkontribwixxa biex beda jdaħħal l-isport, l-ewwel l-atletika u wara l-futbol. Kellu għadma iebsa, iżda hu li kien iħobb  l-isport, ried li s-seminaristi jieħdu parti għaliex kien jemmen li dan hu tajjeb għas-saħħa tal-bniedem. Dun Frans kien minn dejjem bniedem sportiv. Kien jgħum anke fix-xitwa. Kien jimxi ħafna. Kien iħobb jixxabbat mal-muntanji. Beda l-iskiing sakemm sar passatemp kbir ieħor tiegħu. Lil Din Frans  qatt ma kont tarah mitluq.

Fil-parroċċa ta’ Birżebbuġa Dun Frans kien mutur dejjem attiv. Iqaddes, iqarar, iqarben, tarah fil-knisja filgħodu u filgħaxija,  idur mal-poplu u jisma’ l-ilmenti u l-ħtiġijiet tagħhom. Kien iżur il-fabbriki… ilaqqa’ lill-familji għat-talb… insomma ma jieqaf qatt.

Jien sirt nafu meta kien assistent direttur tas-CRS u jien nimmaniġġja d-distribuzzjoni tal-ikel f’isem il-Gvern. Fl-2011 għamiltlu intervista għall-magażin tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen. L-attendenza fil-Knisja kienet diġà bdiet tonqos. Għalhekk ridt inkun naf x’futur jara għall-Knisja f’Malta. It-tweġiba tiegħu kienet sempliċi iżda mimlija sinifikat. Qalli  “Mother Theresa kienet spiss tgħid, ‘Min ifittex il-folla jintilef fil-folla. Il-Mulej Ġesù kien jgħid tibżgħux intom merħla ċkejkna. Jekk jasal iż-żmien li nkunu merħla ċkejkna, inkunu merħla ċkejkna li iżda tkun taf tagħti l-valur.’”

Kompla jgħidli li “aħna għandna messaġġ pożittiv x’nagħtu. Ma rridux nistħu nagħtu l-messaġġ. Meta nargumentaw, nargumentaw fuq l-argument u mhux fuq il-persuna. Għandna dritt u dover nargumentaw iżda dan ma jfissirx li niġġieldu mal-persuna, nwarrbu l-persuna. Nitkellmu fuq l-argument u ma nagħmlu lil ħadd avversarju.”

Mill-2011 il-pajjiż kompla jinbidel.  Hawn ħafna li ftit li xejn tinteressahom ir-reliġjon. Dun Frans kien isostni li l-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali ġabuna fil-qagħda li “no man is an island” u li dak li jiġri fl-Ewropa jasal fostna immedjatament.

Illum meta l-valuri spiritwali majnaw ħafna, irridu nimitaw lil Dun  Frans u ma naqgħtux qalbna. Dun Frans għex il-Vanġelu. Għalhekk qatt ma qata’ qalbu.  Għalhekk baqa’ sal-aħħar jiffoka mhux fuq dak li diġà għamel iżda fuq dak li kien għad baqgħalu jagħmel.

Scroll to Top
Send this to a friend