knisja.mt/ritratti

Akkumpanjamnet: buzzword jew realtà?

212 | Diċembru 2022

Matul is-snin fl-akkwati tal-Knisja jinħolqu kliem li kulħadd jibda jtenni l-ħin kollu donnu ma jeżisti xejn aktar.  Kellna l-kelma, “aġġornament”,  “evanġelizzazzjoni ġdida”, “encounter” u issa għandna il-kelma “sinodalità”  Imma naħseb li fix-xhur li ġejjin ser nisimgħu l-kelma “akkumpanjament” ittambar f’widnejna l-ħin kollu. Jekk biss tfittex Catholic spiritual accompaniment ssib 234 miljun hit.

Kieku kellek issaqsini kif użajt dil-kelma fil-prattika f’ħajti, ikolli nammetti li ftit li xejn użajtha ħlief meta jmut xi ħadd u fil-purċissjoni tal-funeral għedt li “mort nikkumpanjah”. Jew inkella xi kantanta li mmur nakkumpanjaha bil-kitarra!  Imma f’dik li hi relazzjoni umana jew spiritwali jien kont nuża espressjonijiet oħrajn.  Allura x’se nagħmel issa li l-Knisja qed issejjaħ is-sena 2023, sena fejn trid takkumpanja?

Dan li sejjer nikteb mhux minn żniedi imma ftit qtar minn dak li l-Knisja ipproduċiet biex tista’ twasslilna l-messaġġ.  Tidher proposta sempliċi imma li tirrikjedi bidla radikali ta’ kif wieħed iħares lejn il-ħajja. Bl-Ingliż, isejħula paradigm shift.  U dan, għax mhux kwistjoni ta’ attività jew iniżjattiva ġdida imma bidla ta’ attitudni u stil ta’ ħajja.

Bħaċ-ċagħaq imxerred fuq bajja, aħna nistgħu immissu ma’ xulxin imma kulħadd jgħix f’dinja għalih.  Imma fil-Evanġelju Alla jistedinna għal ħajja ta’ intimità bejnna u bejnu u anki bejnietna fiH. 

Ir-relazzjoni tagħna ma’ Kristu trid twassal biex ħadd ma jħossu iżolat u mwarrab imma kulħadd isib ambjent ta’ sapport fuq kull livel: spiritwali, psikoloġiku u anki fiżiku.   Nissapportjaw mhux nissaportu lil xulxin! Jekk il-ħajja nisranija se tibqa’ laqgħa nhar ta’ Ħadd ma’ folla anonima li ħadd ma jaf lil ħadd u ħadd ma jimpurtah minn ħadd, allura kif nistgħu nattiraw lil min iddeċieda li ma jersaqx aktar lejn il-Knisja?

U hawn hi l-akbar sfida li għandna fuq livell ta’ kif ser nilħqu bl-Aħbar it-Tajba lil dawk maqtugħin mill-ħajja tal-knisja li qegħdin fuq u anke ‘l hinn mill-periferija.  Irridu noffru l-id ta’ ħbiberija profondament umana lejn dawk li r-Reliġjon jgħodduha bħala xi ħaġa tal-passat.  Għal dawn aħna irridu nkun sinjal tanġibbli tal-imħabba inviżibbli ta’ Ġesu Kristu.  Ħajjitna trid issir sagrament kontinwu fejn min imiss magħna jkun jista’ jidħol f’esperjenza ta’ imħabba liberali li twassal eventwalment għall-iskoperta ta’ Alla.

Meta wieħed jisma’ bis-sabar u flok jibni ħitan jibni pontijiet, allura din issir  art fertili fejn iż-żerriegħa tal-Kelma tista’ tinżera’. Kemm tinbet jiddependi minn bosta fatturi, imma prinċiparjament  irridu nifhmu li kull ċaqlieqa ta’ konverżjoni hi inizzjattiva tal-Ispirtu s-Santu li hu waħdu kapaċi jipperswadi ‘l-qalb tal-bniedem fuq kemm Kristu hu neċessità għall-bniedem sħiħ.  Aħna xhieda mhux ġurati jew imħallfin.  Il-bidla fl-attitudni tagħna hi li nikkunsidraw kull bniedem li niltaqgħu miegħu bħala art sagra li rridu ninżgħu l-qorq tagħna u nqimu ‘l Alla li qiegħed jaħdem fih.

Il-kelma “akkompanjament” tista’ ssir buzzword li nużawha biss biex nidhru kemm aħna aġġornati mat-tagħlim tal-Knisja tal-llum.  Imma jekk noħduha bis-serjetà ssir avventura fejn aħna nimxu id f’id ma’ ħafna u ħafna minn ħutna li għadhom ma ltaqgħux ma’ Kristu sempliċiment għax qatt ma ltaqgħu ma’ xi ħadd li urihom imħabba sinċiera li lesta tifhimhom u tagħdirhom u tgħinnhom jinfetħu għall-akkumpanjament divin li kull bniedem hu mistieden għalih.

Scroll to Top
Send this to a friend