L-Ukrajna: Minn ġenna għal infern terribbli

209 | Settembru 2022

Kien fl-għodwa tal-24 ta’ Frar 2022 meta t-truppi Russi invadew il-pajjiż ġar tagħhom, l-Ukrajna. Is-sħab iswed kien ilu jinġema’.  Fl-2014 ir-Russi kienu okkupaw il-Krimea, parti mill-Ukrajna. Ftit kienu dawk fil-pajjiżi tal-Punent li taw kas. Imma issa l-invażjoni li tant kienet ilha mistennija seħħet tassew.  Apparti l-invażjoni, bdew ukoll attakki kontinwi bil-missili, l-ewwel fuq Kharkiv, it-tieni l-akbar belt, u aktar tard saħanistra fuq Kiev, il-belt kapitali, 500 kilometru ‘l bogħod.

Mijiet ta’ eluf ta’ Ukreni f’daqqa waħda bdew jaħarbu minn djarhom, l-ewwel f’pajjiżi qrib bħall-Ġermanja u l-Polonja, imbagħad f’dawk aktar imbiegħda, inkluż f’Malta.

Iltqajna ma’ Fr Olexsandr Swcrechhnskyy, saċerdot Kattoliku tar-Rit Biżantin li qed Malta biex, fost oħrajn, ikun ta’ faraġ għar-rifuġjati u jsostni n-numru mdaqqas ta’ Ukreni li jgħixu f’Malta. Il-lemħa tiegħu hija aktar ta’ xi karattru mill-films Bibliċi milli ta’ saċerdot li għandu 48 sena!  Madankollu l-ispirtu tiegħu ibaqbaq fih bl-imħabba kbira li għandu lejn niesu. Twieled fil-Punent tal-Ukrajna fejn il-Kattoliċi jlaħħqu madwar għaxra fil-mija tal-popolazzjoni. Għal bosta snin serva bħala Kappillan tal-Appostolat tal-Baħar f’Odessa, port immens fil-Baħar l-Iswed.

Fr Olexsandr huwa miżżewweġ u għandu erbat’itfal, li waħda minnhom hija soru u qed tistudja Ruma. Dan għaliex fir-rit Kattoliku Biżantin, is-saċerdoti jistgħu jiżżewġu.

Huwa qal li minħabba l-gwerra, f’Malta wkoll kien hawn mewġa mdaqqsa ta’ rifuġjati. “Ġejt biex nieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali kif ukoll materjali u psikoloġiċi tagħhom. Hu stmat li f’Malta hawn madwar 1,500 Ukren. Ngħin mhux biss lill-Kattoliċi imma lill-Ukreni kollha.”  Kull nhar ta’ Ħadd huwa jqaddes fil-Knisja Biżantina Kattolika li tinsab fi Triq l-Arċisqof, il-Belt.

Stqarr li qabel il-gwerra l-Ukrajna kienet ġenna tal-art. “Issa litteralment inbidlet f’infern.  Kull persuna għaddejja minn tbatija kbira. Hemm inċertezza bla tarf. Minn popolazzjoni ta’ 33 miljun, aktar minn sitt miljun persuna kellha titlaq darha. Il-gwerra tinsab għaddejja fil-Lvant tal-pajjiż, imma l-Ukrajna kollha hi kontinwament mhedda minn attakki bil-missili li kapaċi jolqtu l-mira tagħhom mijiet, anzi eluf ta’ kilometri ‘l bogħod. Ma tistax tmur torqod moħħok mistrieħ. Tmur għax-xogħol u ma tafx jekk tiġix lura ħaj. M’hemm ħadd fl-Ukrajna kollha li mhuwiex mhedded.

“Kulħadd qalbu ttaqtaq li se jintlaqat minn dawn il-bombi qerrieda. F’Odessa mhux suppost li l-gwerra qed tilħaqha. Minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, l-awtoritajiet mhumiex jgħidu n-numru tal-vittmi. Imma jien litteralment għejjejt immexxi funerali ta’ nies li mietu bil-gwerra.

“Meta riċentement intlaħaq il-ftehim dwar l-esportazzjoni tal-qamħ minn Odessa, ħadna nifs. Imma l-għada xorta waħda seħħ attakk feroċi bil-missili.  Din hija mod ġdid ta’ gwerra – żgur li aktar perikoluża u qerrieda.”

Fr Olexsandr qal li dawn l-attakki “qed ifarrkulna moħħna u ruħna u mhux biss ġisimna. Qed jikkawżawlna uġigħ emozzjonali bla tarf.  Il-poplu Ukren hu ferut f’qalbu.

“Dawk li ġew Malta minħabba l-gwerra għadhom taħt xokk. U għalhekk għandhom bżonn kbir ta’ sapport mhux biss finanzjarju imma, fuq kollox, emottiv u psikoloġiku. Japprezzaw ħafna l-appoġġ li qed jagħtuhom il-Maltin.” Huwa appella biex “jekk  tiġu f’kuntatt ma’ xi Ukren inkoraġġuh, u fuq kollox itolbu għalina – ħafna.”

Mistoqsi kif jista’ jispjega li żewġ pajjiżi ġirien, it-tnejn Insara, jinsabu fi gwerra ma’ xulxin, Fr Olexs hu tal-fehma li hemm ħafna raġunijiet storiċi u politiċi. “Mhux se nidħol fihom. Ilhom ġejjin is-sekli. Imma iva, diversi jistaqsuni, ‘fejn jidħol il-Kristjaneżmu, fejn jidħol Kristu f’dan kollu?’ Bħala Insara, aħna rridu nħobbu saħansitra lill-għedewwa tagħna, inkella ma jkunx jistħoqqilna li nissejħu segwaċi ta’ Kristu. U jekk verament ngħixu l-Vanġelu allura ma jkunx hemm gwerer. Qatt u qatt ma jista’ jkun hemm ġustifikazzjoni għall-gwerra!”

“Il-gwerra qed toħloq sfida lill-Kristjaneżmu kollu. Hija sfida b’mod partikolari għall-Knejjes Ortodossi.  Qatt m’huwa sewwa li nisrani jiġġieled ma’ xi ħadd,  aktar u aktar ma’ nisrani ieħor.  X’sens jagħmel li suldat Russu, u suldat Ukren, jitolbu l-għajnuna u l-protezzjoni ta’ Alla qabel imorru biex joqtlu lil xulxin? X’sens tagħmel li minflok il-Knejjes Insara jkunu dawl tal-ġnus, jispiċċaw għodda f’idejn il-gvernijiet ta’ pajjiżhom?”

Mistoqsi li kieku jkollu jiltaqa’ ma’ Putin x’jgħidlu, bid-dmugħ f’għajnejh wieġeb, “nistaqsieh: ‘għalfejn din il-gwerra? X’inhi r-raġuni tagħha? Ħolqot problemi enormi lilna, lilkom ir-Russi u lid-dinja kollha. L-effett tagħha qed jinħass kullimkien.  Russi u Ukreni qed jinqatlu. U allura, għalfejn din il-gwerra?’”

Scroll to Top
Send this to a friend