Inwaqqfu l-kultura tal-mewt

Ilkoll inħsadna b’mewta traġika oħra li seħħet riċentament meta tfajla Torka ttajret minn persuna li allegatament kien taħt l-effett tad-droga! Telfa ta’ ħajja innoċenti. Familja imbikkma. Rabja u kundanna! Quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn irridu nieqfu nirriflettu u ma nibqgħux indifferenti. U ninkwetaw biss meta tkun ġrat xi traġedja. 

Ma nistgħux ma naqblux mal-appell li għamel il-Maġistrat Joe Mifsud meta appella biex l-istituzzjonijiet ma jagħtux widen lil min irid ixerred il-kultura tal-mewt u l-qtil minħabba ċerti lobbies li jeżistu f’pajjiżna li jagħmlu ħoss. Huwa qal ukoll li llum qegħdin inbatu l-konsegwenzi ta’ dawk li għandhom leħen qawwi li jriduna nkunu normali u ninġarru mal-kurrent billi niċċelebraw bil-kokaina jew xi tipi oħra ta’ sustanzi oħra.

Il-vizzju mill-abbuż tad-droga hija ġerħa miftuħa. Il-vittmi jinqabdu fin-nassa tal-jasar tagħha u jitilfu kull ħelsien. L-Istat għalhekk irid ikompli jħarrax l-ġlieda kontra dawk li kontinwament ixerrdu l-kultura tal-mewt fostna. Irridu nibqgħu nsostnu lill-forzi tal-ordni li jissagrifikaw ħajjithom biex jipproteġuna. Dawk li jagħmlu dmirhom kif jixraq ħaqqhom it-tifħir u s-sostenn ta’ kulħadd.

Hija sfortuna li tara tant persuni, fil-biċċa l-kbira minnhom f’età tenera, li għax inqabdu fil-morsa tad-droga, minn persuni ħielsa jispiċċaw skjavi. U jitilfu kull sens sabiħ tal-ħajja, u xi darbi jitilfu wkoll l-istess ħajja.

Ilkoll bħala Poplu ta’ Alla rridu nixhdu u ngħixu dak li l-Papa Franġisku jsejjaħ bħala l-Vanġelu tal-Ħniena. Permezz tal-organizazzjonijiet tagħha bħalma huma l-Caritas, il-Knisja qed twettaq ħidma sfieqa biex tippreveni, ittaffi, titratta, tirriabilita, u tintegra lil dawk li huma mtaqqla bl-abbuż ta’ kull tip ta’ vizzju. Il-Knisja trid tkompli treġġa’ lura d-dinjità ta’ ulied Alla lill-vittmi u lill-familji tagħhom.

Il-Papa kemm-il darba afferma l-oppożżizzjoni tiegħu għal kull tip ta’ droga anki dawk imsejħa “rikreattivi”. Imma li ngħidu din il-“le” irridu ngħidu wkoll “iva” għall-ħajja, “iva” għall-imħabba, “iva” għall-edukazzjoni, “iva” għal aktar opportunitajiet ta’ xogħol lil min fieq.

Jekk ngħidu “iva” lil dan kollu, ma jkunx hemm post għal drogi illeċti, għal abbuż mill-alkoħol, jew vizzji oħrajn.

Scroll to Top
Send this to a friend