L-impenn biex jintemmu l-illegalità u l-korruzzjoni għandu jkun bħal riħ qawwi…. Jalla dejjem jibqgħu jkunu ikkultivati l-legalità u t-trasparenza.
Il-ġmiel imdawwal tal-pajsaġġ (Malti) għandu jkun imħares mir-regħba bla xebgħa, mill-kilba għall-flus u mill-ispekulazzjoni tal-bini.
Il-progress ma jfissirx it-tqaċċit mill-għeruq tal-imgħoddi f’isem prosperità falza ddettata mill-qligħ, mil-ħtiġijiet ikkawżati mill-konsumiżmu, kif ukoll mid-dritt li kulħadd għandu jedd għal kollox.
Iddefendu l-ħajja mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha u ħarsuha milli tkun skartata u milli tisfa’ ittraskurata.
Aħna għandna bżonn ta’ ħniena u kura, u mhux ta’ viżjonijiet u populiżmi, mitmugħa bi kliem ta’ mibegħda u li m’għandhomx għal qalbhom tan-nies komuni.
Malta tirrappreżenta l-jedd u s-saħħa taċ-“ċkejknin”, tan-Nazzjonijiet żgħar imma għanja fl-istorja u ċ-ċiviltà.
MIGRAZZJONI
Pajjiżi ċivili ma jistgħux, għall-interessi tagħhom, jagħmlu ftehim suspettuż u mtajjan ma’ nies ta’ qatgħa ħażina.
Il-Mediterran għandu bżonn responsabbiltà Ewropea komuni u maqbula biex isir mill-ġdid teatru ta’ solidarjetà.
Ma nħarsux lejn il-migrant bħala theddida… mhuwiex xi virus li għandna niddefendu ruħna minnu, imma persuna li għandna nilqgħuha… Kull migrant jġorr fih għana bil-wisq ikbar mill-problemi li jġib miegħu.
Ejjew nqabbdu nqabbdu ħġejjeġ ta’ fraternità, li madwarhom il-persuni jistgħu jisħnu, jerġgħu jqumu fuq saqajhom, jitkebbsu mil-ġdid bit-tama.
(Lill-migranti) Noħlom li intom wara li tkunu doqtu l-akkoljenza mimlija u faternità, tkunu tistgħu ssiru intom stess xhieda u animaturi ta’ akkoljenza u fraternità.
Iċ-ċentri ta’ akkoljenza: kemm hu importanti li jkunu mkejjen ta’ umanità.
Ma għandna qatt nieqfu nisimghu x-xhieda (tal-migranti) għax b’hekk biss tinkixef il-viżjoni mgħawġa li spiss hawn iddur fil-midja tal-massa.
Ma nistgħux nilqgħu lil xulxin bejnietna, għad-dell tal-Knejjes sbieħ tagħna, meta hemm barra hemm tant minn ħutna li qed ibatu.
L-GĦIXIEN TAL-FIDI
Ma tistax tkun biżżejjed għalina fidi magħmula minn drawwiet, minn ċelebrazzjonijiet solenni, okkażjonijiet sbieħ popolari… għandna bżonn fidi li tinbena u tiġġedded fil-laqgħa personali ma’ Kristu.
La tibżgħux taqbdu toroq ġodda, forsi wkoll riskjużi, ta’ evanġelizzazzjoni li jmissu l-ħajja… (għax) il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza.
Malta hija post-muftieħ anki mill-perspettiva tal -evanġelizzazzjoni… bħallieku l-passaġġ ta’ San Pawl fosthom ħalla l-missjoni fid-DNA tal-Maltin.
Kemm huma importanti fil-Knisja l-imħabba u l-akkoljenza tal-proxxmu… ilqgħu lil xulxin, ikkuraw il-ġrieħi ta’ xulxin. Mingħajr suspetti, firdiet, qlajjiet, seksik u sfiduċja f’xulxin.
Agħmlu “Sinodu”, jiġifieri “imxu flimkien”.
Il-poplu ta’ Alla ma jikkuntentax ruħu bit-tempju magħmul mill-ġebel, imma jinġabar madwar il-persuna ta’ Ġesù.
Fir-reliġjożità tagħna jista’ jkun hemm is-susa tal-ipokrezija u l-vizzju li nippuntaw subgħajna.
Ma noqgħodux ngħoddu lill-preżenti, imma mmorru nfittxu l-assenti.
Ma narmux lill-mistkerrha, imma npoġġu fl-ewwel post lil dawk li huma meqjusa tal-aħħar.
F’dal-gżejjer s-sens tal-Poplu ta’ Alla jidħol fik man-nifs.
(Liż-żgħażagħ) l-isbaħ ħaġa li hemm fil-ħajja hi l-ferħ li wieħed jimpenja ruħu bla heda fl-imħabba. Dan il-ferħ għandu isem: Ġesù. Innamraw ma’ Ġesù!