Il-fqar jibqgħu dejjem magħkom

Ħarġa 206 | Mejju 2022

Il’ hinn  miċ-ċifri tal-istatistika li jistgħu jippreżentaw realtajiet imċajprin hemm realtajiet oħrajn, fosthom il-faqar fis-soċjetà li lanqas dawk imġarbin minnu m’għandhom vuċi biex isemmgħu leħinhom għaliex huma dejjem fuq il-periferija tas-soċjetà.

Il-Papa Franġisku tkellem f’isimhom f’Diċembru ta’ sitt snin ilu meta qal: “….inħeġġiġkom sabiex tindirizzaw l-isforzi tagħkom lejn dawk li jitolbulkom l-għajnuna: agħtuhom vuċi, isimgħu l-istorja tagħhom, tgħallmu mill-esperjenżi tagħhom. Araw fihom ħuk u oħtok, iben u bint, omm u missier. Fost il-ħafna sfidi fil-ħajja ta’ llum taraw il-wiċċ uman ta’ dawk li b’insistenza qed jitolbu l-għajnuna.”

Din is-silta tidħol kexxun f’opra tal-ħniena li qed issir f’dak li kien ir-refett

orju l-antik tal-kunvent tal-Franġiskani magħrufin “Ta’ Ġieżu”, fil-Belt Valletta. Wara restawr estensiv, dan fetaħ il-bibien tiegħu biex itaffi ftit mit-tbatija ta’ madwar 100 persuna li kuljum ifittxu l-għajnuna materjali u emozzjonali.

Patri Marċellino Micallef OFM, li flimkien ma’ għexieren ta’ volontiera Maltin u barranin u bosta benefatturi qed imexxi din l-opra ta’ ġenerożità, fissrilna li l-faqar fis-soċjetà tagħna, minkejja l-ġid kollu u x-xibka soċjali li teżisti, għandu bosta forom li lkoll inaqqru d-dinjità tal-bniedem.

Min huma l-foqra ta’ żmienna?

Hekk staqsejtu lil Patri Marċellino.  Kien pront wieġeb:  “Persuni mirkubin mill-vizzji bħad-droga, ix-xorb u l-lagħba li spiss jispiċċaw taħt il-flaġell tal-użura! Imbagħad hemm Il-vittmi tal-mard, li kapaċi jfaqqar l-ikbar sinjurun; il-ħabsin u kultant anki l-familjari tagħhom; persuni mifnijin bis-solitudni u oħrajn li jispiċċaw għarkubbtejhom minħabba piżijiet li jridu jġorru wara li tkisser iż-żwieġ tagħhom.”

Patri Marċellino qal li l-kċina Franġiskana mit-Tnejn sal-Ġimgħa titma’ u tipprovdi servizz essenzjali lil bejn 80 u 100 persuna, li jidħlu bħal kexxun f’dawn il-profili. Kontra kif jaħsbu whud, il-maġġoranza kbira ta’ dawk li qed ifittxu l-għajnuna mis-soup kitchen huma Maltin.

Stqarr li għalkemm ilu s-snin jaħdem mal-fqar kemm f’Malta kif ukoll f’esperjenzi barra, Fr Marċellino jħoss li għalkemm għandu 63 sena, għadu tarbija f’din l-esperjenza. Żied jgħid li fl-aħħar sentejn minħabba l-pandemija żdiedu l-problemi tas-saħħa mentali tal-persuni li fittxew l-għajnuna.

Jistqarr li din l-għajnuna hija tikka ħdejn il-ħtiġijiet li għadhom mhumiex milqugħa. Semma fost oħrajn il-bżonn urġenti ta’ night shelters ta’ emerġenza għal persuni li għal raġuni jew oħra qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Bħall-missier fil-parabbola tal-iben il-ħali,  Patri Marċellino ma jiġġudikax l-imġiba ta’ dawn il-persuni. Iwissi li hawn min jipprova jmewwet il-kuxjenza tiegħu meta jiġi wiċċ  imb’wiċċ ma’ dawn is-sitwazzjonijiet u flok juri ħniena magħhom jispiċċa jiġġudikahom fuq ħaġa jew oħra.

Dawn in-nies, insista Patri Marcellino, trid tħobbhom u tgħannaqhom u mhux tiġġudikahom Trid tifhem li problema hija problema anki jekk ma tmissx lilek. “Ghax hawn ħafna feriti li huma misturin mis-soċjetà tagħna!”

Fissrilna l-problemi soċjali li ltaqa’ magħhom, fosthom kif bix-xorb għerqu aktar nies milli għerqu fil-baħar, u d-diżonestà tal-użura, li tagħmel persuni skjavi ta’ self b’rati ta’ 40 u 50 fil-mija li jispiċċaw f’disprament serju b’periklu għal ħajjithom.

Jaqbel perfettament li b’ikla bnina biss dawn in-nies mhux se jintrefgħu mill-morsa tal-faqar. Għalhekk jgħid li barra għajnuniet materjali varji li qed jipprovdu lil dawn il-persuni, bl-għajnuna ta’ bosta professjonisti qed jingħataw diversi servizzi oħrajn minn avukati, psikologi u ħaddiema soċjali li bil-modi differenti tagħhom jgħinuhom kemm jista’ jkun fil-ħtiġijiet tagħhom. 

Scroll to Top
Send this to a friend