Għaddew diġà xahrejn minn meta l-Papa Franġisku ġie fostna għal żjara qasira li konna ilna nistennew għal sentejn sħaħ. L-eku ta’ din iż-żjara fi gżiritina – f’salib it-toroq, eżatt f’nofs baħar li madwaru kibru għadd ta’ ċiviltajiet sa mill-ibgħad żminijiet – tagħtina l-opportunità li nirriflettu fuq dak li l-Papa Franġisku kellimna dwaru! F’pajjiżna Franġisku ma qal xejn ġdid! M’għamilx diskorsi twal. Imma xorta waħda qal ħafna. Tkellem mhux biss b’fommu imma b’dak li għamel. It-tislim, iż-żegħil u t-tgħanniq tiegħu tkellmu wkoll.
Franġisku fakkarna biss f’dak li ilu jisħaq fuqu sa mill-bidu tal-pontifikat tiegħu lura fl-2013. F’Malta, bħalma jagħmel dejjem, ma imponiex ruħu, imma stedinna biex flimkien bħala poplu:
- nagħtu widen għall-karba tal-migranti, li sabu ruħhom maqtugħin mill-art, mill-familji u l-istorja tagħhom u issa qegħdin jgħixu magħna;
- Nikkultivaw b’impenn akbar il-legalità u t-trasparenza;
- ngħożżu l-ambjent li hu d-dar komuni tagħna u nipproteġuh mill-kilba u r-regħba tal-qligħ bla rażan;
- nibżgħu għall-ħajja mill-bidu sat-tmiem tagħha;
- indewwu l-ġrieħi fit-tessut “kulturali” tagħna, b’mod speċjali l-kunflitti b’għeruq fondi;
- naċċettaw b’kuraġġ il-fejqan ta’ dawn il-weġgħat;
- nibnu pontijiet aktar milli ħitan bejnietna;
- nifhmu li ma nistgħux ngħaddu mingħajr il-ftuħ għall-ħbiberija, id-djalogu bejnietna u billi nkun viċini dejjem aktar ta’ xulxin, fil-ħsieb u fl-għemil;
- nibqgħu attenti għaċ-ċkejkin li fis-sempliċità tagħhom, juru b’mod qawwi l-imħabba tagħhom lejn Alla.
Hu sfida lill-Knisja lokali biex l-għixien tal-fidi ma jkunx magħmul sempliċiment minn drawwiet, minn ċelebrazzjonijiet solenni, minn okkażjonijiet sbieħ popolari. Hu fakkarna li għandna bżonn fidi li tinbena u tiġġedded fil-laqgħa personali ma’ Kristu li hu l-qofol ta’ dak li hu Knisja! Għax il-poplu ta’ Alla ma jikkuntentax ruħu bit-tempju magħmul mill-ġebel, imma jinġabar madwar il-persuna ta’ Ġesù.
Fakkarna wkoll li bħala Knisja l-missjoni dejjem kienet f’qalbna, u ħeġġiġna biex niftakru li knisja li ma twassalx l-Aħbar it-Tajba, tmut mewta naturali. Għax il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza, irrepeta kemm-il darba.
Malta, il-gżira fiċ-ċentru tal-Mediterran, tista’ tkun kif sejħilha l-Papa Franġisku stess, “laboratorju tal-paċi”, mudell ta’ ħbiberija, djalogu u rikonċiljazzjoni, u rispett reċiproku.
Il-Papa inkoraġġina biex bħala poplu ma nħallux l-biża’, ir-regħba, il-kilba għall-poter, il-vjolenza, anki dik diġitali, iħarbtu l-mod kif ngħixu u nispiċċaw wieħed kontra l-ieħor, grupp kontra l-ieħor, persuni ta’ lwien ta’ ġilda, ta’ razza, ta’ politika, kontra xulxin.
Ir-responsabbiltà tagħna lejn xulxin qed dejjem tkompli tagħfas b’urġenza aktar fuqna – biex dik “il-ħlewwa liema bħala” murija mill-antenati tagħna lill-Appostlu San Pawl, l-istess ħlewwa li wera magħna wkoll il-Papa Franġisku, nuruha lil xulxin. Nibdew fil-familji u nifirxuha fir-relazzjonijiet kollha tagħna
Is-soċjetà tagħna qed tiftaħ il-portijiet tagħha għal aktar migranti, u fetħet idejha beraħ għal tant persuni li bħala pajjiż neħtiġuhom li jiġu jgħammru fostna, u jaħdmu u jikbru magħna. Il-Papa Franġisku sfidana biex niskopru mill-ġdid xi tfisser li nkunu “port kenni u ħieles”, li fih tinbena ħbiberija ġenwina. B’hekk inkunu nistgħu ninsġu flimkien ġrajja waħda li tiffurmana f’poplu li jibqa’ ikkaratterizzat mill-ġenerożità, l-għaqal, it-tbissima u l-ħlewwa tiegħu.
Il-Maltin fraħna bil-miġja tiegħu fostna. Donnu wara xhur ta’ kampanja elettorali , Franġisku kebbes mill-ġdid fostna s-sens ta’ fraternità; uriena s-sbuħija tal-imħabba għall-pajjiżna mdawwal, id-dar komuni tagħna. Issa jmiss lil kull wieħed minna biex dak li sfidana nagħmlu nwettquh b’impenn akbar.